“Diskriminazzjoni Pubblika U Diskors Ta’ Mibegħda Kontra L-LGBTIQ Ma Jistgħux Jiġu Ttollerati” – Alfred Sant
F’diskors fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li wieħed ma jistax jittollera diskriminazzjoni pubblika u diskors ta’ mibegħda fl-UE kontra ċittadini LGBTIQ u minoranzi oħra u huwa saħansitra iktar inaċċettabbli li diskriminazzjoni u inġustizzja bħal din qed tiġi stabbilita f’liġi nazzjonali bħal fl-Ungerija, qal Alfred Sant fil-Parlament Ewropew.
Filwaqt li vvota favur riżoluzzjoni dwar “Ksur tal-liġi tal-UE u tad-drittijiet taċ-ċittadini LGBTIQ fl-Ungerija bħala riżultat tal-bidliet legali adottati fil-Parlament Ungeriż”, Alfred Sant qal lill-plenarja tal-Parlament Ewropew li l-liġi l-ġdida tirrestrinġi sfaċċatament drittijiet u libertajiet ta’ persuni LGBTIQ, kif ukoll drittijiet tat-tfal.
“Il-kwistjonijiet involuti jmorru lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet u l-proċeduri legali relatati mal-Artikolu 7, li fil-passat kienu soġġetti għal manipulazzjoni partiġġjana. Huma relatati mal-valuri tad-drittijiet tal-bniedem kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-UE. Dwar dawn, ma jistax ikun hemm kompromess ”, qal Alfred Sant.
Sant kompla jisħaq li “taħt l-iskuża li ‘tipproteġi lit-tfal minn informazzjoni li tippromwovi ċaħda tal-valuri tradizzjonali tal-familja’, gvern fl-Unjoni Ewropea qed jiddiskrimina bejn iċ-ċittadini fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom”.
“Il-liġi l-ġdida, apposta vaga, se toħloq kuntest li fih persuni LGBTIQ se jħossuhom mhedda, mhux protetti u fejn jistgħu jkunu permessi attakki omofobiċi. B’dan il-mod, naslu għal-faxxiżmu” tenna Alfred Sant.
Alfred Sant kompla jiddeskrivi l-leġiżlazzjoni l-ġdida fl-Ungerija bħala tal-għajb u qal li gvern demokratiku elett li jirrispetta l-valuri Ewropej għandu jipproteġi ugwalment lil kull ċittadin mingħajr ebda diskriminazzjoni.