Diskuss Il-Fond Soċjali Ewropew+ Mal-Imsieħba Soċjali
F’lagħqa li saret mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela u mis-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi ntqal li fil-perjodu ta’ rkupru mill-pandemija se jkun kruċjali li l-gvern ikompli jgħin biex l-ekonomija tkompli tikber u tkattar il-ġid meħtieġ. Dan kollu ma jistax iseħħ mingħajr żvilupp kontinwu tar-riżorsa umana li hija wkoll l-aqwa riżorsa li għandu dan il-pajjiż. Dan ntqal waqt li kienu qed jindirizzaw lill-imsieħba soċjali f’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD), li trattat il-programm ġdid ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, il-European Social Fund+. Dan il-fond se jintegra diversi fondi flimkien b’baġit ta’ kważi €100 biljun għall-Unjoni Ewropea kollha tul is-seba’ snin li ġejjin, u se jkun kruċjali għall-istimolu ekonomiku wara l-pandemija.
Matul il-laqgħa, l-imsieħba soċjali ġew introdotti għal dak li se jkun fih il-programm nazzjonali marbut mal-Fond Soċjali Ewropew+ 2021-2027, primarjament biex jiksbu l-ewwel għarfien ħalli huma wkoll ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-konsultazzjoni. L-intenzjoni għandha tkun li jkomplu jkunu offruti aktar opportunitajiet ta’ żvilupp lill-ħaddiema tagħna u li jingħataw l-għodda biex ikunu huma stess li jiġġeneraw l-għajxien li għandhom bżonn.
Il-Ministru Abela qal li permezz ta’ din il-konsultazzjoni fuq fondi li jmissu mal-qasam soċjali, se titkompla d-diskussjoni, u wara l-azzjoni, ta’ x’inhu meħtieġ li jsir ħalli pajjiżna, bħall-kumplament tal-UE, nilħqu dawk iċ-ċittadini li l-aktar li għandhom bżonn – id-diskussjoni dwar id-dinja tax-xogħol u l-isfidi li jmorru magħha fosthom l-impjegabilità tal-persuna. Barra minn dan, l-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja dejjem għandhom jibqgħu prijorità. L-inklużjoni hija sfida li rridu nkomplu nirbħu kemm fid-dinja tax-xogħol kif ukoll fis-soċjetà inġenerali. Qasam ieħor daqstant importanti huwa l-ġlieda kontra l-faqar u r-riskju tal-faqar.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li issa deħlin f’fażi ġdida ta’ konsultazzjoni dwar il-fondi Ewropej għal Malta għas-seba’ snin li ġejjin wara li fis-sentejn li għaddew saru konsultazzjonijiet ma’ entitajiet u ma’ stakeholders fuq il-ħtiġijiet ta’ investimenti li għandna bżonn fil-pajjiż. Huwa qal li din il-laqgħa mal-imsieħba soċjali fl-MCESD kienet opportunità oħra biex insaħħu l-konsultazzjoni dwar il-fondi Ewropej.
Dr Zrinzo Azzopardi qal li dan l-ewwel programm li se jitressaq għal konsultazzjoni pubblika huwa dak li se jkun kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew+ u permezz tiegħu se jsiru investimenti ta’ €204 miljuni, fil-parti l-kbira tagħhom indirizzati lejn l-investiment fir-riżors uman partikularment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fil-qasam tal-inklużjoni soċjali, fis-saħħa u fl-għajnuna lil dawk l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà.
Ritratti: DOI