€24,347 Fi Flus Misjuba Mill-Klieb Tad-Dwana Żekkin U Sophie
Ilbieraħ, wara indikazzjoni pożittiva minn Żekkin wieħed mill-klieb tad-Dwana, Uffiċjali tad-Dwana mill-Anti-Money Laundering Team stazzjonati fl-ajruport elevaw €13,487 fi flus mhux dikjarati minn fuq passiġġiera Kolumbjana li naqset li tiddikjarahom qabel qabdet titjira ’l barra mill-pajjiż.
F’każ separat, fil-jiem ta’ qabel, Sophie kelba oħra mit-taqsima tad-Dwana rreaġixxiet pożittivament hekk kif kienet qiegħda xxammem basket ta’ passiġġiera. Konsegwentement, €10,860 ġew elevati minn fuq passiġġiera Marokkina qabel qabdet titjira li twassalha lura l-Marokk.
Iż-żewġ passiġġieri għażlu li jħallsu l-multa fuq il-post b’hekk setgħu jkomplu bil-vjaġġ tagħhom.
Id-Dwana tfakkar li kull ammont ta’ flus (li jinkludi anke cheques u deheb) li jammonta għal €10,000 jew iktar għandu jkun dikjarat lid-Dwana. Dan jgħodd kemm jekk ikun qed jinġarr mill-passiġġier kif ukoll jekk jintbagħat bħala merkanzija f’pakkett. In-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ dawn il-flus hu meqjus reat kriminali.
Ritratt: Facebook / Customs Malta