Festivals Malta Jniedi T-Tieni Edizzjoni Ta’ Mużika Mużika
Wara r-ritorn grandjuż tal-Festival Kanzunetta Maltija permezz tal-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika; festival li ġie mxandar fuq it-televiżjoni u li attira ‘l fuq minn 320,000 telespettatur fuq medda ta’ tlett iljieli, Festivals Malta ħabbar id-dati tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika li ser isir fl-24, 25 u 26 ta’ Marzu 2022.
Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Ministru José Herrera, li faħħar is-suċċess li ottjena l-festival, li għalkemm ġie mtella’ fi żmien diffiċli, xorta waħda rnexxilu jilħaq standard ta’ produzzjoni għolja li ġiet milqugħa mit-telespettaturi, parteċipanti u professjonisti ewlenin fl-industrija.
“L-għan tagħna hu li nkomplu ninvestu f’dawn il-festivals, li jservu kemm bħala pjattaforma fejn l-artisti Maltin jesponu t-talenti bil-lingwa tagħhom kif ukoll bħala sors ta’ divertiment ta’ kwalita` għolja għat-telespettaturi u s-segwaċi tagħhom”, qal Herrera.
Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika, Raymond Bugeja, ikkummenta “Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni jiena kburi ngħid li Mużika Mużika ser jerġa jirritorna f’Marzu li ġej. Il-Preparamenti għall-festival diġa għaddejjin ġmielhom u aħna qed nistennew bil-ħerqa li nibdew nirċievu s-sottomissjonijiet. Is-sena li għaddiet kellna 149 sottomissjoni minn artisti li jirrapreżentaw ġeneri ta’ mużika differenti, u din is-sena qed nistennew li naraw dan in-numru jitla’. Aħna ninkoraġġixxu lil kulħadd biex japplika, ikun xi jkun il-ġeneru tal-kanzunetta. Dan il-pajjiż għandu talent mill-aqwa u Mużika Mużika joffri xhieda ta’ dan.”
Is-Sur Bugeja ħabbar li apparti minn hekk, is-semi finalisti kif ukoll numru ta’ artisti emerġenti ser ikunu jistgħu jesebixxu t-talenti tagħhom fuq programm televiżiv fuq TVM, li ser jiddokumenta l-avventura tagħhom waqt il-preparamenti għall-festival.”
“Wieħed mill-għanjiet ewlenin ta’ Festivals Malta huwa li joffri diversi pjattaformi fejn l-artisti tagħna jistgħu jesebixxu t-talenti tagħhom waqt li jsaħħaħ il-kalendarju kulturali Malti permezz ta’ produzzjonijiet tal-għola kwalita`. Nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li permezz ta’ Mużika Mużika irnexxielna jisboq l-aspettattivi kollha. Dan il-festival irnexxilu jerġa jixħet attenzjoni xierqa fuq il-mużika Maltija”, spjega c-Chairman ta’ Festivals Malta, Norman Hamilton.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, s-Sa Annabelle Stivala, spjegat li Festival bħal Mużika Mużika jmur oltre milli jipprovdi pjattaforma fejn l-artisti lokali jistgħu jesebixxu t-talenti tagħhom, billi joħloq diversi opportunitajiet ta’ xogħol differenti għal nies li jaħdmu fl-industrija tad-divertiment – “għan li sar ta’ priorita kbira għalina kollha tul dawn iż-żmienijiet diffiċli.”
Il-premjijiet ta’ Mużika Mużika għal din is-sena ser ikunu ta’ €20,000 għall-ewwel premju, €10,000 għat-tieni premju u €5,000 għat-tielet premju. Ser jingħataw ukoll premjijiet għall-Aħjar Interpretazzjoni u l-Aħjar Kompożizzjoni. Is-semi finalisti kollha ser jirċievu wkoll €500 kull wieħed biex itaffu ftit mill-ispejjeż li jġib miegħu festival bħal dan. Fl-aħħar u mhux l-inqas, Festivals Malta ser jipproduċi vidjow mużikali għall-kanzunetta rebbieħa bħal fl-edizzjoni li għaddiet.
Ritratt: DOI