“Fl-Aħħar Sena Tal-Leġiżlatura Qed Naħdmu Bl-Istess Entużjażmu Daqs Li Kieku Għadna Nibdew’ – Il-PM

 “Fl-Aħħar Sena Tal-Leġiżlatura Qed Naħdmu Bl-Istess Entużjażmu Daqs Li Kieku Għadna Nibdew’ – Il-PM

“Ix-xogħol huwa l-bażi ta’ ħafna affarijiet.” Hekk beda l-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio.

Dan b’referenza għall-istatistika tal-Eurostat dwar il-qgħad f’pajjiżna fejn spjega kif din hija xhieda oħra li pajjiżna qed jaqbad ir-ritmu ekonomiku. Qal li iżjed importanti huwa, li wara l-istatistika hemm in-nies, u n-negozji li se jibqgħu mexjin ‘il quddiem.

 Tkellem dwar kif 2,500 persuna li kienu qiegħda u issa sabu mpjieg ukoll biex b’hekk, ikunu jistgħu jaspiraw futur aħjar għalihom u għall-familji tagħhom.

 “U n-nies ikellmuk u japprezzaw li l-gvern għandu l-prijoritajiet it-tajbin.”

Hawnhekk il-Prim Ministru Abela fakkar ukoll li tħabbar il-pjan li jmiss fil-programm ta’ tisħiħ fis-servizz tal-IVF hu li mis-sena d-dieħla se jkunu ffinanzjati anke l- mediċini għal dawk il-persuni li jagħmlu l-IVF. “Dan hu qasam ieħor li bħala Gvern għandna l-kredibbiltà dwaru għaliex kien Gvern immexxi minna li beda dan is-servizz u li l-persuni ma jħallsux għalih għax jeħduh mis-sistema tas-servizz tas-saħħa pubblika… Aħna hemm se nibqgħu ffokati. Li ntejbu l-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Fejn ma ninsew lil ħadd”, tenna l-Prim Ministru Robert Abela.

 Għamel ukoll referenza għall-pjan ta’ rkupru ekonomiku fejn qal li dan huwa ħolqa ta’ inizjattivi li qed jagħmel dan il- Gvern. Madanakollu, l-Opożizzjoni tkompli turi negattività, saħansitra fir-rigward ta’ dan il-pjan, tenna Abela.

“Bernard Grech ma mpressjonahx ruħu u sejjaħlu froġa. Imma wara kollox dan l-istess Kap tal-Oppożizzjoni li l-investiment li għamilna f’pandemija fin-negozji u l-ħaddiema sejjaħlu tberbiq ta’ flus. Il-wage supplement, l-investiment fil-vaċċin u dak ix-xogħol kollu li salva l-impjiegi u s-saħħa tan-nies sejjaħlu tberbiq ta’ flus”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Prim Ministru semma u faħħar ukoll l-istrateġija u l-viżjoni post-covid li tħabbret din il-ġimgħa.

Fil-pedament ta’ din il-viżjoni hemm naturalment il-ħames pilastri ewlenin li jiggwidaw lill-Gvern fil-ħidma li qed nagħmlu għall-futur – il-kwalità tal-ħajja, l-infrastruttura, l-edukazzjoni, il-governanza tajba u l-ambjent.

Bihom irridu nindirizzaw tliet affarijiet. Li ntejbu l-kwalità tal-ħajja u l-wellbeing taċ-ċittadini tagħna. Kif se nsostnu n-negozju u x-xogħol u nirkupraw bl-aqwa mod mill-pandemija u kif nibqgħu reżiljenti bħala pajjiż.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com