Fondi Ewropej Biex Jitkabbar L-Għarfien Fost Negozji Żgħar Dwar Il-Protezzjoni Tad-Data

 Fondi Ewropej Biex Jitkabbar L-Għarfien Fost Negozji Żgħar Dwar Il-Protezzjoni Tad-Data

Bl-għajnuna ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data (IDPC), li hu responsabbli għas-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data, kiseb fondi Ewropej għal kampanja ta’ għarfien dwar ir-regolament tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data (GDPR) u biex jipprovdi għajnuna fit-tħaddim tagħha lin-negozji, b’mod partikolari dawk żgħar u medji.

Dan il-proġett ħa jkun qed jiżviluppa għodda online li tista’ tintuża min-negozji, b’mod partikolari dawk żgħar u medji, biex ikunu jafu kemm huma konformi mal-GDPR, jidentifikaw nuqqasijiet, jirreaġixxu u jiffaċilitaw il-konformità. Se jiġu organizzati wkoll konferenzi f’Malta u f’Għawdex għall-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data fis-settur privat, biex jiġu infurmati dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-GDPR u dwar l-użu u l-benefiċċji tal-għodda ta’ self-assessment.

Il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data Ian Deguara spjega li l-proġett iwieġeb għall-ħtieġa li jitkabbru l-għarfien u l-ħiliet rikjesti mill-GDPR. Kull ġimgħa, l-IDPC jirċievi numru ta’ telefonati u emails għall-assistenza u jirċievi wkoll ilmenti uffiċjali minn individwi li jallegaw ksur tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data tagħhom. L-IDPC jirċievi wkoll talbiet għal pariri dwar l-interpretazzjoni ta’ provedimenti tal-GDPR u miżuri li jkunu jeħtieġu jiġu implimentati, biex jiżguraw konformità mal-liġi. Barra minn hekk, l-IDPC jirċievi wkoll talbiet għal laqgħat ma’ kontrolluri, fejn jingħataw pariri dwar il-protezzjoni tad-data.

Il-Kap ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, Mandy Falzon, spjegat li l-aġenzija tgħin entitajiet governattivi bħall-IDPC biex japplikaw għall-fondi Ewropej li jwasslu għal proġetti ta’ fejda li jissarrfu f’servizz aħjar lill-pubbliku u lin-negozji.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li mill-2019 sal-lum, SEM għenet 19-il entità governattiva differenti jissottomettu total ta’ 27 applikazzjoni għal proġetti b’fondi tal-Unjoni Ewropea, li minnhom 17 ġew magħżula. Il-Ministru Abela kompla jgħid li “dawn il-fondi Ewropej jikkumplimentaw tajjeb biex inkomplu nwettqu aħjar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea, f’dan il-każ għas-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini u n-negozji f’pajjiżna.”

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis qal li “bla dubju, kwalunkwe ħidma lejn il-ġustizzja hija pilastru fis-soċjetà – ħidma li twassal dejjem biex titkattar il-fiduċja fost il-pubbliku u dawk kollha li jiproċessaw data, u li jaraw li jagħmlu dan b’governanza xierqa.”

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com