“Għandna Nibqgħu Naħdmu Biex Malta Tassigura L-Iffinanzjar Ta’ Proġetti Mat-Trasport U L-Enerġija”

 “Għandna Nibqgħu Naħdmu Biex Malta Tassigura L-Iffinanzjar Ta’ Proġetti Mat-Trasport U L-Enerġija”

Il-membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar, permezz ta’ intervent fil-plenarja li ltaqgħet fi Strasburgu din il-ġimgħa, tkellmet dwar l-importanza li Malta, bħala pajjiż li huwa gżira u allura jsofri minn iżolament naturali mill-kumplament tal-kontinent Ewropew, jibqa’ jassigura l-iffinanzjar ta’ proġetti marbuta mat-trasport u l-enerġija.

F’dibattitu li ntemm b’vot dwar il-programm tal-Connecting Europe Facility 2021-2027, u li hu pass eqreb sabiex jiġu assigurati €30 biljun għall-fondi li jistgħu jintużaw fi proġetti diġitali, ta’ trasport jew enerġija madwar l-Ewropa, l-MPE Maltija fakkret kif proġetti bħal dak tal-Marsa Junction ma kienux ikunu possibli li kieku ma kienx għal dan il-programm.

Għalhekk tenniet l-importanza li dan il-programm jibqa’ jassigura dawn it-tip ta’ proġetti, kif ukoll li tkompli l-ħidma sabiex tinqata’ kemm jista’ jkun il-burokrazija għal dawn il-proġetti essenzjali.

F’kummenti relatati, Cutajar semmiet ukoll l-importanza li dawn il-fondi jintużaw biex jassiguraw is-sigurtà tal-enerġija għal gżejjer bħal Malta li għad mhumiex konnessi mal-Netwerk tal-Gass Ewropew.

“Ninsab ċerta li dawn il-fondi se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħna. Billi nkomplu l-ħidma sabiex nassiguraw programmi ta’ fondi bħal dawn, nistgħu nkomplu inqarrbu l-Ewropa lejn in-nies u l-familji tagħna nkluż dawk fil-periferija tal-Ewropa bħal Maltin u l-Għawdxin” saħqet Dr Cutajar.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com