“Gvern Li Qed Jinjora L-Id Tal-Ħbiberija Li Qed Tagħti L-Oppożizzjoni” – Bernard Grech

 “Gvern Li Qed Jinjora L-Id Tal-Ħbiberija Li Qed Tagħti L-Oppożizzjoni” – Bernard Grech

Ilbieraħ filgħaxija l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr. Bernard Grech indirizza l-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali tal-partit, din id-darba b’mod differenti fejn il-membri kienu preżenti b’mod virtwali.

Bernard Grech fid-diskors tiegħu qal li “Dan hu wieħed minn dawk il-mumenti, fejn fi spirtu nazzjonali rridu lkoll kemm aħna, ningħaqdu sabiex dak kollu li aħna ħdimna għalih flimkien b’tant sagrifiċċji tul dawn s-snin, nerġgħu nassiguraw li nirbħuħ lura, għaliex kull ġurnata fuq il-lista l-griża hija ġurnata ta’ opportunitajiet mitlufa għalina lkoll.”

Tul id-diskors tiegħu, Bernard Grech saħaq li dan hu mument ta’ responsabbiltà’ politika li jeħtieġ konsensus nazzjonali fejn reġa’ estenda l-invit tiegħu lill-Gvern biex nirrikonoxxu l-problema u nibdew insolvuha bil-mira li jkollna progress sal-laqgħa li jmiss tal-FATF f’Ottubru għaliex dan il-‘greylisting’ mhux se jitlaq waħdu.

Il-Kap tal-PN fakkar kif għandna Gvern li qed ikompli jaħbi għaliex meta mitlub jippublika l-korrispondenza li għaddiet mal-FATF, il-Gvern għażel li jaħbi l-informazzjoni. “Gvern li qed jinjora l-id tal-ħbiberija li qed tagħti l-oppożizzjoni. Id tal-ħbiberija li minkejja l-attitudni tal-Gvern aħna se nibqgħu noffruha għaliex aħna għandna fiduċja f’Malta.”

Bernard Grech kompla jgħid li rridu nsaħħu l-awtorita’ u s-setgħat tal-FIAU, l-MFSA, il-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali sabiex ikunu jistgħu jinvestigaw indipendentement bis-setgħat kollha li ttiehom il-liġi, u mhux b’indħil. Kompla jgħid li trid tiżdied it-trasparenza f’kull kuntratt li jagħti l-Gvern u jiġu stabbiliti kriterji skond l-ammont tal-kuntratt. Saħaq ukoll li jrid bidla fil-mod ta’ kif isir il-bejgħ taċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna.

Fost il-proposti li semma’ il-Kap tal-PN, stqarr li l-PN jrid jara sistema ta’ tassazzjoni li t’inċentiva sabiex wieħed jinvesti aktar. Hemm bżonn ta’ politika ekonomika bbażata fuq il-ġid komuni ta’ Malta u Għawdex. Hu saħaq li ma nistawx nibbażaw iktar it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjizna fuq in-numri għaliex l-esperjenza wriet li dan mhux sostenibbli. “U minflok iż-żieda tal-impjiegi biss, irridu nħarsu lejn l-ekonomija b’mod differenti, dak li jtina valur miżjud.”

Dr Grech temm jgħid li mal-Partit Nazzjonalista jista’ jaħdem kulħadd. Qal li kulħadd għandu post, u li hemm bżonn li kulħadd jingħaqad sabiex tingħeleb din l-isfida.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com