Ħelsien Mill-Arrest Wara Li Ġie Mixli Li Xerred Filmat Sesswali Tal-Eks Sieħba

 Ħelsien Mill-Arrest Wara Li Ġie Mixli Li Xerred Filmat Sesswali Tal-Eks Sieħba

Illum fil-qorti tressaq raġel Indjan ta’ 32 sena mixli li qassam video sesswali tal-eks maħbuba tiegħu.

Jaysal Kuyil Kandam li jaħdem bħala deliveryman f’Malta ngħata l-ħelsien mill-arrest.

Huwa ma aċċettax il-fatt li l-eks ħabiba tiegħu kienet telqitu għal xi ħadd ieħor, u bi tpattija xerred filmat intimu li kellhom waqt ir-relazzjoni tagħhom.

Huwa xerred il-filmat li ttieħed bil-kunsens taż-żewġ partijiet però s-sieħba qalet li hi qatt ma tat il-permess li l-filmat joħroġ għand terzi persuni.

Ir-raġel ikkoopera mal-Pulizija, qal l-ispettur, u żied li l-akkużat “evidentement weġġa’ meta l-mara ħallietu għal xi ħadd ieħor.” Il-Maġistrat Josette Demicoli tat il-ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta’ €750, garanzija personali ta’ € 8,000 u li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija.

Il-Qorti imponiet ukoll Ordni ta’ Protezzjoni li għandha tibqa’ fis-seħħ sal-ġudizzju finali, u tagħtu l-aħħar twissija.

“Ma tistax tkellem lil din is-sinjura. Trid iddaħħal f’rasek li bħallikieku ma teżistix, ”wissiet il-Maġistrat, u spjegat li bl-ebda mod ma jista’ jikkomunika mal-vittma inkella se jiffaċċja inkwiet ġdid . Dan ikun jammonta għal ksur tal-libertà proviżorja, li jista’ jeħel sentejn ħabs jew multa ta’ €7,000 jew it-tnejn, qalet il-Qorti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com