Il-COVID Action Team Tal-PN Bi Proposti Għal Aktar Screening Fil-Portijiet

 Il-COVID Action Team Tal-PN Bi Proposti Għal Aktar Screening Fil-Portijiet

Il-COVID Action Team tal-Partit Nazzjonalista fi stqarrija li ħareġ illum saħqu dwar l-Importanza ta’ screening aktar riġidu fil-portijiet Maltin, kemm dawk bl-ajru kif ukoll bil-baħar. Dan wara li dawn l-aħħar jiem, pajjiżna qiegħed jara żieda fin-numri tal-każijiet pożittivi tal-COVID-19 impurtati.

L-Action Team tal-PN qed jipproponi li persuni li jaslu Malta u jkunu vaċċinati dawn irid jkollhom ukoll prova ta’ PCR test negattiv sa 72 siegħa mit-tluq.

Qed jipproponu wkoll li jekk il-persuna li tasal Malta ma tkunx ivaċċinata, minkejja li jkollha prova ta’ PCR test negattiv minn pajjiżha, għandha tkun screened permezz ta’ PCR test ieħor hekk kif tasal f’Pajjiżna.

Apparti min hekk għandu jkun hemm loġistika aktar b’saħħitha li tantiċipa ż-żieda qawwija li qegħdin naraw fit-turiżmu u sabiex jiġi evitat il-kaos li rajna fil-portijiet fil-ġimgħat li għaddew.

L-Action Team saħaq li dan, għandu jsir sabiex inkomplu nnaqsu l-possibilitá tal-introduzzjoni ta’ varjanti ġewwa pajjiżna u nassiguraw li s-settur turistiku u dak tal-ospitalitá, tant importanti għall-ekonomija tagħna, tkompli bir-ritmu li qabdet u tkompli titgawda ġewwa pajjiżna.

Dan ukoll, sabiex jiġi evitat li Pajjiżna jerġa jkollu impost fuqu mill-ġdid xi restrizzjonijiet marbuta mat-tixrid tal-pandemija, u nkomplu ngħixu fin-normalita’ filwaqt li jkun hemm ir-rispett u l-infurzar ta’ dawk il-miżuri preventivi diġà eżistenti.

Ritratt: Lovin Malta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com