“Il-Gvern Għandu Jkun Trasparenti Dwar L-Air Malta” – PN
Huwa ta’ għajb kbir għall-Gvern li qed ikompli jaġixxi waħdu mingħajr konsultazzjoni u jipperikola l-futur tal-linja tal-ajru Air Malta. Dan qalu Dr. Mario de Marco Kelliem għall-Finanzi tal-Partit Nazzjonalista fi stqarrija wara li sar magħruf, skont rapporti fuq il-mezzi tax-xandir, li għall-Kummissjoni Ewropea l-pjan oriġinali tal-Gvern Malti għall-għajnuna statali ma kienx kredibbli. Hu kruċjali aktar minn qatt qabel li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jippubblika l-proposti tal-Gvern u jressaqhom għad-diskussjoni mal-Oppożizzjoni u l-Unions relevanti.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib għall-fatt li bl-inkompetenza tal-Gvern f’dan il-qasam, il-linja u allura pajjiżna, qed jitilfu żmien kruċjali biex l-Air Malta titpoġġa fuq sisien sodi. Din ma kienitx l-ewwel darba li l-Kummissjoni Ewropea rrifjutat, bħala mhux kredibbli, l-proposti tal-Gvern Malti. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Gvern għandu jieqaf iħalli l-pajjiż fl-għama u jippubblika l-pjanijiet tiegħu minnufih.
Dr. de Marco temm jgħid li l-Gvern għandu jibda proċess ta’ konsultazzjoni biex verament pajjiżna joħroġ bi pjan li jħares l-interessi tal-Air Malta kif ukoll dawk ta’ pajjiżna li jiddependi fuq is-saħħa ta’ linja tal-ajru tiegħu.