Il-Ministru Michael Farrugia Lura D-Dar

 Il-Ministru Michael Farrugia Lura D-Dar

Il-Ministru Michael Farrugia ħabbar fuq il-mezzi soċjali li ġie rilaxxat mill-isptar u jinsab lura d-dar.

Dan wara li lbieraħ ġie mħabbar li l-Ministru kellu jidħol l-isptar peress li ma kienx qed iħossu tajjeb.

Il-Ministru Michael Farrugia spjega dan kollu fejn qal li waqt li kien qed jagħmel ‘self monitoring’ rriżulta li wieħed mill-parametri seta’ ma kienx normali, huwa ingħata l-parir biex jidħol l-isptar għal aktar testijiet. Farrugia kompla jgħid li “billi wieħed mit-testijiet irriżulta abnormali, saru aktar testijiet li għall-grazzja t’Alla ma wrewx kumplikazzjonijiet.”

Il-Ministru qal li billi l-parametri baqgħu stabbli, ġie irrilaxxat mill-isptar. Se jkun qed jkompli l-kwarantina d-dar. “Il-fatt li jien ivvaċċinat kontra l-Covid-19 kien ta’ għajnuna biex ma mmurx għall-agħar” tenna Il-Ministru Farrugia.

Fil-messaġġ li kiteb fuq il-mezzi soċjali huwa ħa l-opportunità biex jirringrazzja lil “Dr. Malcolm Caruana tal-ġentilezza u kura professjonali li tani fid-Dipartiment tal-Emerġenza, lill-Konsulenti Dr. Tonio Piscopo u Dr. Charles Mallia Azzopardi, l-istaff impekabbli tal-‘Infectious Diseases Unit’ u lil Dr. Chris Barbara tal-għajnuna tiegħu.”

Irringrazzja ukoll lil eluf ta’ persuni u ħbieb li xtaqulu fejqan ta’ malajr.

Fl-aħħar Michael Farrugia rringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela li ta’ kuljum żamm kuntatt miegħu u lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne tas-sapport li tah, lill-President ta’ Malta George Vella u lill-Ispeaker tal-kamra Anġlu Farrugia. Irringrazzja ukoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, membri tal-kabinett u membri miż-żewġ naħat tal-kamra kif ukoll uffiċjali tal-Partit Laburista.

Huwa temm il-messaġġ billi qal li “fuq kollox, irrid nirringrazzja minn qalbi lill-partner u l-familjari tiegħi li kienu kontinwament ta’ spalla tul dan l-episodju f’ħajti.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com