Il-Mosta, San Ġwann U L-Gudja Se Jgawdu Minn €500,000 Allokati Għall-Manutenzjoni

 Il-Mosta, San Ġwann U L-Gudja Se Jgawdu Minn €500,000 Allokati Għall-Manutenzjoni

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar li ġew allokati nofs miljun ewro għat-tieni sejħa tal-iskema għall-manutenzjoni u sostenn ta’ proġetti infrastrutturali maġġuri li ġew imwettqa mill-Gvern.

Il-Ministru Herrera qal li din l-iskema hija importanti biex proġetti kapitali jkunu sostnuti mill-istess kunsilli lokali.

Huwa ħabbar ukoll li għall-ewwel sejħa applikaw 7 kunsilli lokali, iżda 3 applikazzjonijiet kienu eliġibbli għall-iskema u ser jingħataw madwar €93,000. It-tliet applikazzjonijiet magħżula jikkonsistu fil-manutenzjoni ta’ dawn it-tlett proġetti: żamma u manutenzjoni ta’ Ġnien l-Għarusa tal-Mosta; tisbiħ tal-Ġnien Misraħ 11 ta’ Frar f’San Ġwann; u tisbiħ tal-Belveder fejn il-Kappella ta’ Loretu fil-Gudja.

Intqal ukoll li għat-tieni sejħa ser jiġu aċċettati xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq proġetti li twettqu mill-gvern matul dawn l-aħħar 10 snin u kull proġett magħżul jista’ jingħata sa massimu ta’ €100,000.

Il-Ministru Herrera ħeġġeġ lill-kunsilli lokali japplikaw għal dawn il-fondi sabiex ikomplu jżommu u jmantnu il-proġetti li saru mill-gvern ċentrali fil-lokalità tagħhom, u b’hekk ikomplu jitgawdew mill-komunitajiet tagħna.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com