“Il-Partit Nazzjonalista Reġa’ Falla T-Test Tal-Interess Nazzjonali” – Il-PM Robert Abela

 “Il-Partit Nazzjonalista Reġa’ Falla T-Test Tal-Interess Nazzjonali” – Il-PM Robert Abela

“Il-Partit Nazzjonalista reġa’ falla t-test tal-interess nazzjonali.” Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio meta kien mistoqsi dwar il-vot tal-PN fil-Parlament dwar emendi f’artiklu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, aktar kmieni din il-ġimgħa.

Dan il-vot biex jgħaddi kien jeħtieġ iż-żewġ terzi tal-Parlament fejn permezz tiegħu l-awtoritajiet pubbliċi f’pajjiżna kien ikunu jistgħu joħorġu multi ogħla lil min ma jkunx konformi mal-liġi fl-operat tiegħu.

Dwar il-vot, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif mal-mument li ttieħed il-vot, id-Deputati Nazzjonalisti nfexxew b’ċapċipa ta’ sodisfazzjon. Abela qal li dan huwa vot kontra t-trasparenza u s-saltna tad-dritt u li waqqa’ l-maskra tal-PN.

Il-PM saħaq li dwar din il-liġi, il-Gvern talab opinjoni mill-Kummissjoni Venezja. Qal ukoll li l-ebda attitudni negattiva mhi se twaqqaf il-Gvern biex ikompli jwettaq ir-riformi.

“Minkejja din l-attitudni tal-Oppożizzjoni aħna xorta se nibqgħu nirriformaw u se nibqgħu nimxu ‘l quddiem bħala pajjiż u mar-riformi kbar li għamilna minn Jannar tal-2020 se nagħmlu aktar u aktar u dwar dan il-punt hemm il-kelma tiegħi lejn il-poplu Malti”, qal il-PM Robert Abela.

Il-PM tkellem ukoll dwar il-ftuħ ta’ Wied Fulija li kienet miżbla u issa ngħatat lill-familji Maltin u Għawdxin b’investiment ta’ €4.5miljun. F’dan l-ispazju, hemm mal- 43,000 siġra u arbuxell.

Irrimarka wkoll kif il-Gvern se jkun qed jinvesti man-nofs biljun ewro f’impjanti ġodda li jibdlu l-iskart f’riżorsa.

Qal ukoll li issa beda jintuża l-impjant ta’ Ħas Saptan bl-iskop li tibqa’ titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies fl-inħawi wara li ngħalaq l-impjant tal-ħażna tal-fjuwil f’Birżebbuġa b’investiment ta’ €70 miljun ewro.

Dwar il-pandemija, il-PM Abela semma laqgħa li kellu mal-Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern Thierry Breton dwar diversi temi fosthom kif Malta ġġieldet il-pandemija. Qal li Breton ddeskriva lil pajjiżna bħala c’champion tal-vaċċinazzjoni u fil-fatt, “iż-żjara tiegħu hawnhekk kienet propju biex jifirħilna ta’ dan is-suċċess u huwa fatt li konsistentement qed nibqgħu l-pajjiż bl-aktar roll-out tal-vaċċin b’saħħtu u effettiv.”

Madanakollu, il-Prim Ministru xorta appella għall-kawtela u biex kull min hu eliġibbli għall-vaċċin, jitlaqqam fejn l-esperti u s-sitwazzjoni fl-isptar, qed turi li l-vaċċin verament qed jaħdem.

Il-Prim Ministru semma wkoll il-miżura tal-Gvern dwar it-tħaddim tar-‘remote working’ għas-settur pubbliku.

“Il-Gvern qed ikompli jkun eżempju ta’ kif nadattaw għar-realtajiet l-ġodda u ta’ kif intejbu l-kwalità tal-ħaddiema u kif ukoll il-bilanċ ta’ bejn il-ħajja u x-xogħol”, temm jgħid il-PM Robert Abela.

Ritratt: ONE News

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com