“Il-PBS Fl-Aħħar Jiem Għal Darbtejn Irrifjuta Li Jobdi Żewġ Ordnijiet Tal-Awtorità Tax-Xandir” – Il-PN

 “Il-PBS Fl-Aħħar Jiem Għal Darbtejn Irrifjuta Li Jobdi Żewġ Ordnijiet Tal-Awtorità Tax-Xandir” – Il-PN

“Robert Abela ħataf il-Public Broadcasting Services” hekk saħaq l-Partit Nazzjonalista.

F’stqarrija maħruġa mill-Oppożizzjoni tgħid li l-fatt li l-PBS fl-aħħar jiem għal darbtejn irrifjuta li jobdi żewġ ordnijiet tal-Awtorità tax-Xandir biex jingħata rimedju jikkonferma li l-Gvern Laburista ta’ Robert Abela ħataf il-Public Broadcasting Services sabiex iservi ta’ aġent tal-Partit Laburista u jmexxih bħala estensjoni ta’ One News.

Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li qatt, mill-Indipendenza ‘l hawn, ma kien hemm każ wieħed fejn il-PBS, wara li nstab ħati mill-Awtorita tax-Xandir, naqas mill-obbligi ta’ imparzjalitá tiegħu, rrifjuta sfaċċatament li jobdi u jagħti r-rimedju ordnat, u dan kuntrarju għal dak li qiegħed jiddeċiedi li jagħmel issa.

Fl-istess stqarrija l-PN jiddikjara li dan l-aġir bla preċedent tax-Xandir Nazzjonali jfisser ukoll:

  • Nuqqas ta’ rispett bażiku tal-poplu Malti u Għawdxi li bit-taxxi tiegħu qed jissussidja lill-PBS;
  • Tkasbir mill-PBS tal-Kostituzzjoni ta’ Malta;
  • Ksur tad-dritt tal-Partit Nazzjonalista u tad-Deputati tiegħu li jingħataw spazju xieraq;
  • Konferma li dan il-Gvern qiegħed juża x-Xandir Nazzjonali għall-propaganda tiegħu u
  • Konferma ta’ kemm hu giddieb il-Gvern Laburista meta jgħid li jrid iħalli l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jaħdmu.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com