“Il-PN Għandu Politika Li Fiċ-Ċentru Tagħha Hemm Biss Il-Bniedem” – Bernard Grech
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dalgħodu fuq Net FM qal li “Ma fadal ebda triq oħra li Rosianne Cutajar twarrab u jekk il-Prim Ministru Robert Abela jrid il-ġid għall-pajjiżna għandu jgħid lil Cutajar biex twarrab u jippubblika r-rapport tal-Kummissajru.”
Grech qal li l-preżenza ta’ Cutajar u l-Ministru Carmelo Abela qed jkomplu jnaffru r-reputazzjoni ta’ Malta.
Dr Grech tkellem ukoll dwar il-laqgħa li kellu mal-MCESD fejn fl-indirizz tiegħu qal li bħalissa pajjiżna għaddej minn mument fejn kulħadd irid jingħaqad flimkien.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni ddeskriva l-Greylisting bħala ċertifikat ikraħ lil Malta u li jagħti daqqa l’isfel lir-reputazzjoni internazzjonali.
“Il-Prim Ministru qed jattakk lin-nies biex jilħaq l-kwoti li ġew imposti mill-FATF u jħalli politiċi jiġru barra kif għandek il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali,” stqarr Grech.
Dr. Grech tkellem ukoll dwar l-IVF fejn qal li issa l-Gvern irrikonoxxa dak li qal il-Partit Nazzjonalista, kompla jgħid li “kif ġara fil-qasam tal-IVF, xahrejn ilum għidt li l-IVF ma kienx b’xejn u l-ġimgħa l-oħra, il-Ministru Chris Fearne qal li issa lest li jagħmel l-IVF b’xejn iżda s-sena d-dieħla u allura qatt ma kien fil-pjanijiet tiegħu.”
Grech tkellem dwar il-pjan ta’ rkupru li nieda l-Gvern l-ġimgħa l-oħra. Huwa qal li l-Gvern għandu jagħti każ lill-Oppożizzjoni u jisma’ dak li qed jgħidulu anke l-imsieħba soċjali. Huwa stqarr li l-pjan mhux komplut għax dan mhux qed jasal għand iċ-ċittadini kollha.
Il-Kap tal-PN temm jgħid li “il-PN għandu politika li fiċ-ċentru tagħha hemm biss il-bniedem. Fej il-PN matul dawn l-aħħar ġimgħat ppreżenta diversi prospost f’oqma differenti tas-soċjetà. Proposti li minnhom se jibbenefika kulħadd.”
Spiċċa l-intervent tiegħu fejn fakkar li nhar is-Sibt li ġej ħa jkun qed jingħata bidu għall-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fejn b’parteċipazzjoni wiesgħa se jkun hemm tiġdid ikbar fil-pajjiż, hekk kif il-PN jrid biss li jkun hemm il-ġid f’pajjiżna, ġid li jgawdi minnu kulħadd.