Il-PN Jappella Għall-Medjatur Bejn Il-Gvern U L-‘MAPE’

 Il-PN Jappella Għall-Medjatur Bejn Il-Gvern U L-‘MAPE’

B’referenza għall-kwistjoni bejn il-Gvern u l-Malta Association of Professional Engineers (MAPE), Il-Kelliem għat-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina flimkien mal-Kelliem għall-Politika dwar l-Ilma u l-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Ryan Callus f’isem l-Oppożizzjoni fi stqarrija qalu li l-pożizzjoni tagħhom sabiex tinstab soluzzjoni qabel il-Parlament jipproċedi bl-abbozz li jemenda l-Att dwar il-Professjoni tal-Inġiniera.

Saħqu li f’dan l-istadju, wara li l-ewwel tentattiv falla, fejn fuq l-inizjattiva tal-Oppożizzjoni ntalbet laqgħa bejn il-partijiet kollha, l-Oppożizzjoni qed tipproponi li jinħatar medjatur li jgawdi l-fiduċja tal-partijiet ikkonċernati, sabiex jinbeda proċess ta’ konsultazzjoni li jwassal għal pożizzjoni komuni.

Huma qalu li l-Oppożizzjoni hija konxja tal-kawża fil-Qorti tal-Maġistrati fuq din il-kwistjoni, u għaldaqstant tat-theddida fuq l-abbozz ippreżentat ġaladarba jkun approvat mill-Parlament qabel jingħalaq il-proċess ġudizzjarju.

Mill-banda l-oħra, Bezzina u Callus qalu li huma wkoll konxja tar-‘Reasoned Opinion’ mill-Kummissjoni Ewropea kontra Malta f’dak li għandu x’jaqsam mat-traspożizzjoni tad-Direttiva Ewropeja tas-Servizzi. Huwa f’dan il-kuntest, li l-Oppożizzjoni terġa’ ttenni l-appell tagħha sabiex il-partijiet kollha jagħrfu r-responsabiltajiet tagħhom, biex l-approvazzjoni tal-Att dwar il-Professjoni tal-Inġinerija ikun ħieles minn kull dubbju legali, jindirizza mingħajr dewmien it-traspożizzjoni tad-Direttiva Ewropeja, filwaqt li jitfassal wara konsultazzjoni sħiħa u propja, li tiggarantixxi l-aħjar qafas legali li fiha topera l-professjoni tal-inġinerija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com