Il-President Jiekol Mar-Residenti Tal-Komunità Santa Marija
Il-President ta’ Malta George Vella flimkien mas-Sinjura Vella, nhar l-Erbgħa ngħaqdu mar-residenti taċ-Ċentru tar-Rijabilitazzjoni Komunità Santa Marija li l-Aġenzija Sedqa għandha f’Ħal Farruġ għall-ikla ta’ filgħaxija. Iż-żjara saret biex jiġi mmarkat il-Jum Dinji Kontra l-Abbuż mid-Droga u t-Traffikar Illeċitu.
Il-President intlaqa’ u ddawwar mal-parti l-ġdida taċ-ċentru mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (l-FSWS) Alfred Grixti; id-Direttur tal-Operazzjonijiet tas-Sedqa Charles Scerri; iċ-Chairperson tal-FSWS Joe Gerada; u ċ-Chairperson Klinika tas-Substance Misuse Outpatient Unit Anna Maria Vella. Huwa ltaqa’ mar-residenti kif ukoll mal-istaff, il-manager, u l-leaders tal-Aġenzija Sedqa.
Il-President fakkar lir-residenti li, filwaqt li f’dan iċ-ċentru wieħed isib management u professjonisti li joffrulhom l-għajnuna meħtieġa fis-sitwazzjoni tagħhom, fl-aħħar mill-aħħar jiddependi għal kollox minnhom infushom biex jirnexxu. “Li tiddeċiedi li għandek bżonn l-għajnuna hija l-aktar ħaġa importanti. Intom nies bħal ħaddieħor li, sfortunatament, iltqajtu ma’ ċerti ċirkostanzi li ġiegħlukom tmorru għal ċerti miżuri. Ħadt gost nitkellem ma’ wħud minnkom u nara d-determinazzjoni li wieħed jiddeċiedi li jieqaf mill-abbuż. Hemm l-għajnuna għal min irid, iżda jiddependi minnkom.”
Waqt l-ikla, raġel li ilu kważi sentejn li ħareġ miċ-ċentru kif ukoll il-ġenituri ta’ żagħżugħ li huwa resident bħalissa qasmu l-esperjenzi tagħhom mal-President u ma’ dawk preżenti.
Ritratti: OPR