Il-President Ta’ Malta George Vella B’Laqgħat Mar-Residenti U Kumpaniji F’Għawdex

 Il-President Ta’ Malta George Vella B’Laqgħat Mar-Residenti U Kumpaniji F’Għawdex

Waqt żjara f’Għawdex, il-President George Vella kellu l-opportunità li jisma’ mill-qrib l-esperjenzi riċenti li għaddew minnhom kumpaniji u residenti Għawdxin fl-aħħar sena u nofs, partikolarment kawża tal-pandemija tal-Covid 19.

L-ewwel waqfa f’Għawdex kienet fil-kumpanija tas-servizzi finanzjarji Michael Grech, li matulha ltaqa’ mal-Bord tad-Diretturi kif ukoll mal-ħaddiema. Waqt din iż-żjara, ġew diskussi l-isfidi li laqtu lil din l-industrija fl-aħħar xhur, kif ukoll dwar ċertu soluzzjonijiet proposti f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet governattivi u dawk regolatorji.

Il-President żar ukoll il-kumpanija FXB fiż-żona industrijali tax-Xewkija. F’kelmtejn waqt iż-żjara, il-President tkellem dwar l-importanza tal-ħaddiem f’kull settur u, bħalma għamel fiż-żjarat l-oħrajn, wera l-apprezzament tiegħu għad-determinazzjoni tal-ħaddiema nfushom biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti u anke kreattivi għat-taħbit li ġabet magħha l-pandemija.

Matul iż-żjara fl-FXB, il-President sema’ mill-qrib dwar l-isfidi ewlenin f’din l-industrija fosthom dawk ta’ akkwist ta’ materjal u t-tul ta’ żmien mittieħed fil-provvisti

Min-naħa tagħhom, ir-rappreżentanti ta’ kull entità esprimew ringrazzjament għas-solidarjetà u l-appoġġ li l-President qed juri lejn il-Maltin u l-Għawdxin f’dawn iż-żminijiet.

L-aħħar laqgħa kienet tikkonsisti f’laqgħa kordjali li saret mall-Membri tal-Bord tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex. Matul din il-laqgħa, ġie ppreżentat id-dokument ta’ konsultazzjoni dwar l-istrateġija ta’ Għawdex lill-President Vella. L-istrateġija proposta mill-awtorità hi msejsa fuq tliet pilastri ewlenin li jiffukaw fuq tmien oqsma partikolari u li huma importanti għal Għawdex. Fil-kummenti tiegħu, il-President tenna l-importanza tad-djalogu u konsultazzjoni mifruxa u inklussiva, bl-għan li tiġi żgurata kwalità aħjar tal-ħajja għal kulħadd.

Ritratti: OPR

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com