Il-Prim Ministru B’Deċiżjoni Dwar Rosianne Cutajar
Wara li ftit minuti ilu ġie ppublikat ir-rapport ta’ Hyzler, il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma d-deċiżjoni li kien ħa fil-25 ta’ Frar dwar ir-riżenja temporanja ta’ Rosianne Cutajar minn Segretarju Parlamentari li issa din id-deċiżjoni ġiet b’mod permanenti. Dan ifisser li d-deputat Cutajar ħa titħalla barra mill-Kabinett tal-Ministri.
Dan wara li fir-rapport il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler ikkonkluda li Cutajar kisret il-kodiċi tal-etika meta ħadet flus mingħand Yorgen Fenech u flus oħra f’senserija u ma ddikjarathomx.
Fir-rapport tiegħu Hyzler issemma kif Cutajar kienet involuta fin-negozju billi sabet ix-xerrej, u li marret tara l-propjetà flimkien max-xerrej, u ma’ sid il-proprjetà. L-eks Segretarju Parlamentari kienet preżenti ukoll waqt ikla f’Marsamxett fejn tħallset is-senserija.
Wara li ra l-evidenza kollha, Hyzler ikkonkluda li minħabba li Cutajar ma ddikjaratx id-dħul li għamlet, hija kisret l-etika. Fl-istess rapport Hyzler irrakkomanda wkoll biex il-Kumitat Parlamentari jgħaddi r-rapport lill-Kummissarju tat-Taxxi biex jiġi investigat.
Nhar it-Tnejn li ġej ħa jerġa jkun qed jiltaqa’ l-Kumitat Parlamentari għall-Istandards Pubbliċi.