Imnedija Kampanja Ta’ Għarfien Dwar Il-Vjolenza Fuq Persuni Li Għandhom Diżabilità

 Imnedija Kampanja Ta’ Għarfien Dwar Il-Vjolenza Fuq Persuni Li Għandhom Diżabilità

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici flimkien mal-Ministru għall-Inkluzjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli nedew kampanja ta’ għarfien dwar forom diversi ta’ vjolenza fuq persuni b’diżabilità bit-tema ‘Id-diżabilità tiegħi ma ttikx id-dritt tabbużani’.

L-għarfien u l-edukazzjoni dwar imġiba abbużiva u vjolenti fir-relazzjonijiet tagħna bħala poplu, kif ukoll dwar il-prevenzjoni u kif wieħed għandu jġib ruħu f’sitwazzjonijiet bħal dawn, huma essenzjali fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u l-abbuż abbażi tal-ġeneru. Għalhekk, din il-kampanja kontra l-vjolenza fuq persuni b’diżabilità ġiet imnedija bl-iskop li jitqajjem aktar għarfien u kuxjenza dwar forom ta’ abbuż u vjolenza li jistgħu jesperjenzaw persuni li jgħixu b’diżabilità.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici qal li qatt ma jista’ jkun hemm ġustifikazzjoni għall-użu tal-vjolenza, u s-soċjetà kollha għandha tingħaqad f’dan il-messaġġ ċar.

“Il-gvern huwa kommess li jaqdi l-obbligu tiegħu lejn dawk l-aktar vulnerabbli u jipproteġihom minn kull forma ta’ abbuż jew vjolenza, u l-aqwa arma li għandna biex nagħmlu dan hija li nżidu l-għarfien, nedukaw u noħolqu kuxjenza. Huwa kruċjali li nibagħtu l-messaġġ li f’pajjiż li jrid jimxi lejn ugwaljanza sħiħa, ħadd m’hu iktar jew inqas minn ħadd u l-vjolenza m’għandha qatt tkun tollerata”, qal il-Ministru Owen Bonnici.

Fid-diskors tagħha l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li din il-kampanja tikkumplimenta dak li ġie mħejji b’mod leġiżlattiv aktar kmieni dan ix-xahar u li permezz tiegħu se jkun meqjus bħala reat b’aggravju meta persuna b’diżabilità tiġi mgħajjra, umiljata u redikolata minħabba d-diżabilità tagħha. Il-Kabinett tal-Ministri approva li jsiru l-emendi neċessarji fil-liġi marbuta mal-Kodiċi Kriminali filwaqt li l-Kamra tad-Deputati approvat mill-istadju tal-ewwel qari dan l-abbozz ta’ liġi.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li persuni b’diżabilità jinsabu f’riskju ogħla li jesperjenzaw forom ta’ abbuż fiżiku, psikoloġiku, sesswali u ekonomiku. “Il-liġijiet tagħna jaħsbu għal dawn l-abbużi filwaqt li ħloqna skemi li permezz tagħhom persuni b’diżabilità jsibuha aktar faċli li jidħlu fid-dinja tax-xogħol għax ix-xogħol jagħti dinjità lill-persuna u għalina persuna b’diżabilità hija bħal u daqs kull persuna oħra. Huwa għalhekk li issa qed nagħtu bidu għal din il-kampanja edukattiva. Kampanja bl-iskop li jitqajjem aktar għarfien u kuxjenza dwar forom ta’ abbużi u vjolenza li jistgħu jesperjenzaw persuni b’diżabilità.”

Filwaqt li inkoraġġiet lill-persuni b’diżabilità li qed jesperjenzaw vjolenza biex jersqu ‘l quddiem u jfittxu l-għajnuna, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan saħqet fuq l-importanza li s-servizzi li jipprovdu appoġġ għall-vittmi ta’ vjolenza jkunu aċċessibbli.

Din il-kampanja tisħaq li d-diżabilità tal-persuna ma tiġġustifika qatt imġiba abbużiva jew vjolenza fuq dik il-persuna.

Il-vjolenza fuq nies b’diżabilità tmur kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-Konvenzjoni ta’ Istanbul kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru li tisħaq fuq il-prevenzjoni tal-vjolenza fuq persuni b’diżabilità u l-protezzjoni mill-abbuż u l-vjolenza.

L-isterjotipi u l-istigma fuq persuni b’diżabilità jesponu dawn l-individwi għal riskji għola ta’ vjolenza. L-istatistika (UNFPA, 2020) turi li dan ir-riskju jiżdied jekk dawn il-persuni jkollhom identitajiet intersezzjonali, bħal per eżempju individwi li jidentifikaw ruħhom bħala LGBTIQ+ jistgħu jesperjenzaw il-vjolenza kemm minħabba l-istigma fuq l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u kif ukoll l-istigma fuq id-diżabilità tagħhom. L-istess għal persuni li ġejjin minn komunitajiet etniċi, anzjani u persuni b’diżabilità intellettwali.

Persuni b’diżabilità jinsabu f’riskju għola li jesperjenzaw forom ta’ abbuż fiżiku, psikoloġiku, sesswali u abbuż ekonomiku. Barra minn hekk, jeżistu forom ta’ abbuż li huma esklussivi għal individwi li jgħixu b’xi diżabilità. Dan jista’ jsir meta dawn jiġu mċaħħda minn apparat jew tagħmir li jassistihom jew mill-mediċina li għandhom bżonn, u anke meta ma jitħallewx jieħdu kontroll tal-ħajja soċjali tagħhom u ta’ flushom. Minħabba n-nuqqas ta’ għarfien dwar dawn il-forom ta’ abbuż, ikun diffiċli sabiex wieħed jirrikonoxxi l-abbuż u jfittex l-għajnuna.

 

Ritratt: DOI / James Galea

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com