Imniedi Proġett Ta’ Faċilità Ta’ Obstacle Course Racing Fil-Qrendi
Ftehim bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u l-Assoċjazzjoni ta’ Ġenituri ta’ Tfal bil-Kundizzjoni tal-Awtiżmu (Autism Parents Association) u bl-appoġġ ta’ The Club Fitness Centre se jwassal biex tfal b’din il-kundizzjoni jkunu jistgħu jattendu sessjonijiet ta’ taħriġ bla ħlas kull ġimgħa u jagħmlu użu minn apparat sensorjali għall-bżonnijiet tagħhom.
Dan se jkun possibbli permezz ta’ proġett fil-Qrendi fejn se jinħoloq spazju li fih ikun jista’ jiġi prattikat l-obstacle course racing, liema proġett se tibbenefika minnu wkoll il-komunità tal-lokalità u tal-madwar permezz ta’ attivitajiet sportivi.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli fissret kif dan il-ftehim li għalih il-Ministeru qed jivvota s-somma ta’ €20,000 huwa turija ta’ kemm hija siewja l-kollaborazzjoni li teżisti bejn il-Gvern, l-organizzazzjonijiet volontarji u l-privat b’risq persuni li jinsabu fil-firxa wiesgħa tal-awtiżmu u l-familji tagħhom. Semmiet kif dan il-proġett se jkun qed jiftaħ orizzonti ġodda għal titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ dawn it-tfal. Fl-istess ħin, din il-faċilità se sservi ta’ lok ieħor rikreattiv għal dawn il-persuni permezz ta’ sessjonijiet ta’ kull ġimgħa.
“Permezz ta’ dan il-proġett qegħdin inkomplu inwettqu fil-prattika l-prinċipju tal-inklużjoni, li permezz tiegħu qed nagħmlu dak kollu possibbli biex persuni ffaċċjati b’diffikultajiet bħalma huwa l-awtiżmu xorta waħda jħossuhom li huma parti mis-soċjetà, li huma bħal u daqs kull membru ieħor. Qegħdin inkomplu nuru d-determinazzjoni tagħna li ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ lura,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Il-proġett se joffri wkoll fakulta lir-residenti u l-anzjani tal-akwati biex jagħmlu użu mill-faċilità bla ħlas darba fil-ġimgħa.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Matthew Vella qal li llum qed nkomplu naraw b’mod tanġibbli li dak li qed nitkellmu dwaru fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Persuni bl-Awtiżmu ma jibqax biss fuq il-karta iżda jiġi implimentat fil-prattika. Għaldaqstant, permezz tal-isport mhux biss ser inkunu qed naraw l-inklużjoni tat-tfal u adoloxxenti bl-awtiżmu iżda wkoll nipprovdu spazju ta’ rilassament għall-ġenituri u dawk l-iktar qrib tagħhom sabiex naslu tassew għall-kwalità ta’ ħajja aħjar.
Is-sid ta’ ‘The Club Fitness Centre’, Julian Briffa, semma kif wara li sar jaf bid-diffikultajiet li jsibu tfal li b’din il-kundizzjoni biex jipprattikaw attivitajiet sportivi u rikreattivi, ħass li għandu jagħti s-sehem tiegħu biex dawn it-tfal u l-familji tagħhom ikollhom fejn jirrekreaw ruħhom, apparti li jissoċjalizzaw ma’ tfal oħrajn bħalhom.
Spjega kif il-proġett inbena fuq tliet pilastri: dak sportiv biex itejjeb il-faċilitajiet tal-komunità sportiva, partikolarment f’dak li huwa magħruf bħala obstacle course Racing; il-pilastru tal-inklużjoni b’ħolqien ta’ ambjent li joffri sigurtà lil individwi bil-kundizzjoni tal-awtiżmu; u l-pilastru ta’ komunità bl-iskop li tissaħħaħ il-komunità tal-Qrendi u l-postijiet tal-madwar billi tingħata promozzjoni lil sessjonijiet ta’ taħriġ fiżiku li persuni li jkunu qegħdin jikbru fl-età.
Alishia Jones, mill-Autism Parents Association, irringrazzjat lill-Ministru Farrugia Portelli għas-sehem tagħha biex intlaħaq il-ftehim li se jwassal biex ikun jista’ jsir dan l-investiment filwaqt li awgurat li din l-inizjattiva tkun ta’ ispirazzjoni għal oħrajn biex anke huma jiftħu l-bibien tagħhom għal tfal li jinsabu fil-firxa wiesgħa tal-awtiżmu.
Ritratt: Geoffrey Zarb Adami / DOI