In-Negozji Kollha Se Jibqgħu Jkunu Mgħejjuna Sal-Aħħar Tas-Sena

 In-Negozji Kollha Se Jibqgħu Jkunu Mgħejjuna Sal-Aħħar Tas-Sena

F’laqgħa ta’ konsultazzjoni li ttellgħet fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) kien hemm qbil dwar is-sistema li biha se jibqgħu jkunu mgħejuna n-negozji u jkun implimentat it-tnaqqis gradwali tal-wage supplement.

Preżenti għal-laqgħa, il-Ministru għall-Enerġija l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela.

Minn meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, il-Gvern Malti, permezz ta’ Malta Enteprise,  introduċa l-għajnuna tas-suppliment tal-paga biex ikun ta’ spalla għal dawk in-negozji li l-aktar li ntlaqtu mill-pandemija. Sa issa, il-gvern investa aktar minn €500 miljun f’għajnuna f’din l-iskema li minnha ggwadanjaw ‘il fuq minn 17,000 kumpanija privata.

Dan ifisser għajnuna lil kważi 100,000 familja.

Sa minn Novembru, il-Ministru Miriam Dalli mexxiet numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni li fihom l-imsieħba soċjali ddiskutew kif l-għajnuna tal-wage supplement trid tingħata b’mod effettiv u li trid tkun tapered biex in-negozji jiġu inċentivati u ma jibqgħux jiddependu fuq is-suppliment tal-paga.

Kienet din il-konsultazzjoni li wasslet sabiex Malta Eneterpise varat pakett ta’ incentivi ta’ €20 miljun li se jgħinu lin-negozji Maltin u Għawdxin jsaħħu l-mudell ta’ negozju tagħhom għall-ġejjieni. Fost oħrajn, inċentivi bħaċ-Change to Grow, Restart, u l-iSmart and Sustainable se jkunu qed jgħinu lin-negozji jimxu lejn is-sostenibilità tal-operat tagħhom u d-diġitalizzazzjoni.

Waqt il-laqgħa tal-MCESD kien spjegat li l-gvern huwa kommess li jkun ta’ spalla għan-negozji u l-ħaddiema mhux biss fi żmien ta’ emerġenza, imma anke fil-ħtieġa ta’ riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali.

Fi preżentazzjoni li tat il-Ministru Miriam Dalli hi spjegat kif l-aktar kumpaniji milquta – b’impatt ta’ 55% jew aktar – se jibqgħu jirċievu s-suppliment tal-paga sħiħ sal-aħħar tas-sena u għalhekk mhu se jaraw ebda bidla.

Ġie deċiż ukoll li l-wage supplement se jibqa’ jingħata sa l-aħħar tas-sena għall-kumpaniji l-oħra kollha, filwaqt li minn Awwissu jibda t-tnaqqis gradwali tal-benefiċċju skont l-impatt fuq id-dħul tal-kumpanija. L-għan huwa li l-kumpaniji ma jiqfux jirċievu s-suppliment ħesrem iżda minflok se jibqgħu jirċievu dan is-suppliment sal-aħħar tas-sena bi tnaqqis gradwali.

Dan it-tnaqqis gradwali se jkun maqsum f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi se tibda minn Awwissu, filwaqt li t-tieni fażi se tibda minn Ottubru u se twassal il-kumpaniji kollha sal-aħħar tas-sena. Flimkien ma’ dan, in-negozji se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ ta’ Malta Enterprise fil-kirja u d-dawl u l-one-time grant għal dawk li esperjenzaw restrizzjonijiet itwal. Barra minn hekk, il-gvern ħareġ it-tieni skema ta’ vouchers b’total ta’ €50 miljun u li minnhom sa issa ssarrfu madwar €16-il miljun.

Dawn it-tip ta’ għajnuniet wasslu biex, anke jekk f’pandemija, il-pajjiż għandu l-inqas rata ta’ qgħad u għalhekk il-gvern irid jiffoka l-isforzi tiegħu biex jinċentiva iktar investiment u jippremja l-bżulija u l-innovazzjoni.

In-negozji se jkun infurmati b’dan il-proċess fil-jiem li ġejjin permezz ta’ komunikazzjoni elettronika.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela spjega kif minbarra s-suppliment tal-paga, li ġie maqbul f’laqgħa tal-MCESD, kif ukoll miżuri oħra, il-ministeru tiegħu kellu rwol importanti permezz tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi – dipartiment li, fost l-oħrajn, permezz tal-Artiklu 42 tal-ligi dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, ra li min iħaddem ikun jista’ jbiddel b’mod temporanju l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tiegħu biex b’hekk ikunu ssalvagwardjati l-impjiegi. Madwar 27,000 impjieg kienu salvati permezz ta’ din il-miżura.

Barra minn dan, il-Ministru Abela spjega li d-dipartiment kompla għaddej bl-infurzar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol biex prattiċi illegali u diskriminatorji jiġu eliminati fejn fl-2020, id-dipartiment investiga 857 każ filwaqt li din is-sena il-każi ta’ investigazzjoni diġà qabżu l-1,000.

Il-pass li mexa bih il-Gvern Malti tul il-pandemija kien iċċertifikat ukoll mill-Fond Monetarju Internazzjoni (IMF) li rreveda ‘l fuq it-tkabbir fil-ġid nazzjonali għal kważi 5.8%. Ir-rapport tal-IMF huwa ċar dwar ir-raġunijiet wara l-irkupru mgħaġġel ta’ pajjiżna wara l-impatt qawwi tal-pandemija, b’riżultat ta’ miżuri ta’ sostenn. L-IMF ikkonfermat l-approċċ tal-gvern meta ħeġġet biex filwaqt li jibda jimplimenta t-tnaqqis gradwali ta’ xi miżuri ta’ sostenn, jaqleb oħrajn fi programmi li jgħinu t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Maltija.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com