In-Numru Tal-Ajruplani Mistennija Jiżdiedu – Ilbieraħ Jasal L-Ewwel Wieħed
Fis-2:00pm, ilbieraħ wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta l-ewwel ajruplan tal-Malta Air B737-8200 Gamechanger – ajruplan li seta’ jkun possibbli b’investiment ta’ €100 miljun. Biż-żieda ta’ dan l-ajruplan, il-flotta tal-Malta Air bil-kuluri tal-bandiera Maltija hija ta’ sitt ajruplani, numru li mistenni jiżdied fiż-żmien li ġej.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg fakkar li l-Gvern Malti flimkien ma’ Transport Malta u l-istess grupp ta’ Ryan Air, sentejn ilu kienu ppreżentaw kif se tkun id-dehra tal-ajruplani ta’ din il-linja tal-ajru u llum, sentejn wara, din id-dehra se nkunu qed narawha ttir madwar l-Ewropa.
“Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li tara li l-grupp Ryan Air jagħżel ir-reġistru tal-Avjazzjoni Malti 9H sabiex ikompli jespandi l-flotta tiegħu. Ċertifikat ieħor ta’ kemm ir-reġistru Malti tal-avjazzjoni huwa wieħed serju u rispettat mill-ġganti ta’ din l-industrija.”.
Il-Ministru Ian Borg spjega li dan l-ajruplan li wasal illum f’pajjiżna qiegħed iġorr 4% aktar passiġġieri għal din il-linja tal-ajru, u peress li huwa mgħammar bl-aħħar teknoloġija u effiċenzja se jkun qed inaqqas l-emissjonijiet fl-arja b’16% u l-emissjonijiet mill-istorbju b’40%.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Air, David O’Brien qal li Malta Air hija onorata li qed ttajjar il-bandiera Maltija u rringrazzja lid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta tal-impenn u d-dedikazzjoni tiegħu sabiex din il-linja tal-ajru tkun parti mir-reġistru 9H. Huwa qal li jħares ‘il quddiem sabiex Malta Air tkompli tkabbar il-flotta tagħha fiż-żmien li ġej u anke żżid mas-57 rotta diretta li l-grupp Ryan Air għandu ma’ Malta.
Il-Kaptan Charles Pace, Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, stqarr li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, Transport Malta se tkun f’pożizzjoni li tħabbar aktar linji tal-ajru internazzjonali li se jkunu qed jagħmlu parti mir-reġistru 9H, sabiex dan l-istess reġistru jibqa’ jkun wieħed mill-aktar li qed jikber fl-Ewropa.