Inawgurat Investiment Ta’ €5 Miljun Fl-Iskola Tal-Arti
Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, inawgura l-proġett ta’ restawr tal-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta li tifforma parti mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, b’investiment ta’ €5 miljun mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.
Proġett li fi kliem il-Prim Ministru jgħaqqad flimkien il-patrimonju kulturali u l-futur fis-settur tal-arti.
“Ħames miljun ewro investiment għar-restawr ta’ din il-binja fil-Belt biex minnha nindokraw it-talent tal-mijiet ta’ persuni li jagħżlu l-Iskola tal-Arti biex jiżviluppaw il-ħiliet artistiċi tagħhom. L-aspirazzjoni tagħna hija li min jiġi f’din l-iskola joħlom li jista’ jilħaq il-livelli tal-individwi li bil-kreattività tagħhom ikontribwixxew fl-iżvilupp tal-identità tagħna bħala Maltin.”
Dr Abela tenna l-impenn tal-gvern fis-settur artistiku u li permezz ta’ dawn il-proġetti qed titfassal viżjoni ċara fejn l-artisti jkollhom fejn jimirħu u jesponu x-xogħol tagħhom.
“M’għandiex dubju li dan iċ-ċentru se joffri lill-madwar 500 artist li ta’ kull sena jsegwu korsijiet fih ambjent aktar adattat biex jimmotiva aktar is-sens kreattiv u tnissil ta’ ideat innovattivi. Din l-iskola tikkumplimenta x-xogħol eċċellenti li jsir f’diversi istituzzjonijiet oħra bħal l-MCAST u l-Università ta’ Malta, fost oħrajn. Huwa sinifikattiv li dan l-investiment sar ukoll f’perjodu ta’ pandemija. U mhux l-uniku wieħed. F’Marzu, ftaħna il-Valletta Design Cluster b’investiment ta’ €10 miljun.”
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru semma l-għajnuna li qed joffri l-gvern lill-artisti f’pajjiżna bil-għan li jkomplu jifjorixxu fit-talent tagħhom u joffru l-aqwa potenzjal.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li l-investiment tal-Gvern fil-qasam edukattiv huwa investiment mifrux fuq livelli u wkoll fuq setturi differenti, li lkoll flimkien huma investiment f’uliedna.
“Investiment li mhuwiex biss fit-tagħlim, mhuwiex biss fl-edukaturi tagħna, imma huwa wkoll investiment fid-dar tagħhom—il-binja li tilqa’ fiha kemm lill-edukaturi u wkoll lill-istudenti biex jieħdu t-tagħlim tagħhom, biex ikattru l-ħiliet tagħhom. U ninsab sodisfatta llum, għaliex l-inawgurazzjoni ta’ din l-iskola, hija wkoll iċ-ċelebrazzjoni tal-ħiliet tal-istudenti tagħna”, qalet il-Ministru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada Dr Neville Young qal li proġett ta’ restawr u tisbiħ bħal dan huwa parti minn kullana ta’ proġetti li permezz tagħhom qegħdin nimmodernizzaw l-infrastruttura edukattiva ta’ pajjiżna.
“Dan hu investiment bla preċedent ta’ aktar minn €100 miljun fl-iskejjel tal-istat, li aktar minn terz minnu hu fil-gżira Għawdxija. Il-proġetti tagħna jvarjaw minn bini ta’ skejjel ġodda, bħal dik tar-Rabat, Għawdex u l-Imsida, kif ukoll l-immodernizzar u t-tkabbir ta’ skejjel eżistenti,” temm jgħid Dr Young.
Ritratti: DOI