Intermedjarji Tal-Proprjetà Għandhom Sas-17 Ta’ Settembru Biex Japplikaw Għal-Liċenzja
Dawk l-intermedjarji li jaħdmu fis-settur tal-proprjetà għandhom japplikaw għal-liċenzja sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Settembru 2021. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn semma kif bħal dan iż-żmien sena ilu daħlet fis-seħħ il-liġi li tirregola l-ħruġ ta’ liċenzji tal-aġenti tal-proprjetà immobbli, sensara tal-proprjetà u konsulenti tal-proprjetà.
Is-Segretarju Parlamentari Agius sostna illi matul din is-sena sar ħafna xogħol, fosthom laqgħat mal-partijiet ikkonċernati fis-settur, sabiex dan is-settur ikun regolarizzat sa mill-1 ta’ Jannar 2022 hekk kif inhu mitlub fil-ligi. Sadanittant, numru kbir ta’ intermedjarji għamlu jew qegħdin jattendu għal kors ma’ uħud mill-istituzzjonijiet akkademiċi li joffru dawn il-korsijiet li jwassalhom sabiex ikollhom kwalifika li permezz tagħha jkunu jistgħu jbiegħu l-proprjetà.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li sal-31 ta’ Marzu ta’ din is-sena dawk kollha interessati li jiksbu liċenzja kellhom jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom. Sa dakinhar, kienu daħlu madwar 1,500 dikjarazzjoni ta’ interess.
Finalment, is-Segretarju Parlamentari ħa l-okkażjoni sabiex isellem il-memorja ta’ Dr Katrina Borg Cardona, li kienet Chairperson tal-Bord tal-ħruġ tal-liċenzji sakemm din ħalliet din id-dinja l-ġimgħa li għaddiet. Huwa semma kemm Katrina kienet qed tagħti kontribut kbir fil-pożizzjoni tagħha għat-titjib regolatorju f’dan is-settur, filwaqt li wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tagħha.
Ritratti: DOI