Investiment ta’ €90,000 F’Ġnien U Grawnd Tal-Futbol F’Ħal Tarxien
Waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat ħabbru investiment ta’ €90,000 biex jiġi riġenerat Ġnien Veliko Turnovo u l-ground tal-futbol Mark Farrugia f’Ħal Tarxien.
Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-Aġenzija Komunità Malta bħala parti mill-programm ta’ responsabbiltà li l-aġenzija għandha lejn il-komunità. Il-ġnien se jingħata dehra ġdida fejn se ssir manutenzjoni estensiva biex il-bandli jsir wieħed aktar modern. Filwaqt li l-ground tal-futbol se jiġi riġenerat mill-ġdid biex b’hekk ikun jista’ jintuża mill-komunità Tarxiniża, inkluż il-klabb tal-futbol Tarxien Rainbows F.C.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri spjega kif il-proġett tal-lum se jkun qed ifisser spazju ġdid għall-familji ta’ din il-lokalità. Huwa sostna li l-Gvern qed jaħdem biex ikollna komunitajiet aktar siguri, fosthom semma l-proġett tal-pulizija fil-komunità li beda jaħdem f’Ħal Tarxien propju ftit tal-ġimgħat ilu. “B’riżultat ta’ din il-ħidma nistgħu nimxu għal pass li jmiss. Dan ifisser li bħala Gvern se nkomplu ninvestu fl-ambjent tagħna, fil-benesseri tagħna u fil-kwalità tal-ħajja tal-familji kollha,” qal il-Ministru Camilleri.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat stqarr li dan l-investiment ta’ €90,000 fi Ġnien Veliko Turnovo, f’Ħal Tarxien se jkun qed jagħti spazju ġdid lill-komunità Tarxiniża, eżempju ieħor ta’ kif qed ninvestu fil-komunità. “Dan l-investiment qed inwettquh għax namministraw l-investiment dirett barrani b’mod li minnu jgawdi kulħadd. Se nkomplu ninvestu fil-komunità,” qal is-Segretarju Parlamentari Muscat.
Ritratti: DOI