“Irrid Partit Miftuħ Beraħ Biex Nilqgħu F’Darna Lil Kulħadd” – Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Dr. Bernard Grech lbieraħ filgħaxija indirizza t-tieni sessjoni tal-Kunsill Ġenerali fil-Qrendi. Matul din l-attività wieġeb għad-diversi mistoqsijiet ta’ dawk li kienu preżenti.
Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-COVID-19 f’pajjiżna, il-Kap tal-PN fakkar li l-PN sa mill-ewwel ġurnata kien f’diskussjoni u għamel ukoll riċerka ta’ x’għandu jsir f’ċirkustanzi differenti fejn saħansitra ħareġ bi proposti. Dr Grech qal li llum kulħadd jirrealizza li l-Gvern żbalja meta ta l-flus f’idejn l-istudenti li jiġu Malta jitgħallmu l-Ingliż. Saħaq li l-Gvern kellu jgħin lill-istudenti tal-Ingliż billi jħallsilhom parti mill-kors. Insista li l-pajjiż għandu jħares lejn it-turiżmu ta’ kwalità fosthom biex jonqos il-piż fuq l-infrastruttura u jonqos ir-riskju li jinfirex il-virus.
Bernard Grech tkellem ukoll li l-PN irid jkompli jsemma leħnu kullimkien, qal “tridu tkunu konvinti li l-PN kien, għadu u għad għandu dmir li jibqa’ b’vuċi b’saħħitha. Mhux jien, jew il-kandidati u d-deputati biss imma inthom ilkoll, tridu tmorru fid-djar, fil-pjazzez, konvinti li l-messaġġ tagħna, dak li qed nipproponu jagħmel sens, dak li qed ngħidu huwa parti mis-soluzzjoni.”
Grech għamel referenza ukoll għad-diskors tas-Sibt li għadda fejn qal li l-maġġoranza siekta fil-pajjiż bdiet issemma leħinha u l-pajjiż beda t-triq lura għan-normalità. Huwa rrefera ukoll għall-aħbar li Chris Peregin se jibda jaħdem fil-Partit Nazzjonalista. Dr. Grech tenna li “Irrid partit miftuħ beraħ biex nilqgħu f’darna il kulħadd. Irridu nkissru u nwarrbu l-preġudizzju. Din hija s-sejha lil kulħadd, dan il-pajjiż mhux tan-Nazzjonalisti, tal-Laburisti jew ta’ min m’għandux partit, imma huwa tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.”