Jibdew Jiġu Rilaxxati L-Ewwel Frieħ Tal-Barbaġann Fis-Selvaġġ
Il-proġett tal-barbaġann daħal fit-tielet u fl-aħħar fażi tiegħu hekk kif għadd ta’ frieħ tal-barbaġann bdew il-proċess biex jiġu rrilaxxati fis-selvaġġ.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt attività fir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett, sit amministrat mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), fejn ġie ffirmat ukoll ftehim biex jiġi estiż l-immaniġġjar ta’ dan il-post.
L-iskop ta’ dan il-proġett huwa li jerġa’ jintroduċi l-barbaġann f’ambjenti diversi madwar il-gżejjer Maltin u Għawdxin. Dan il-proġett huwa appoġġat mill-Fond għall-Għaqdiet Volontarji għall-Konservazzjoni ta’ Għasafar Selvaġġi.
Il-Ministru Farrugia tenna li l-konservazzjoni ambjentali u l-protezzjoni tal-bijodiversità huma żewġ pilastri importanti ta’ ekosistema li tiffunzjona u huwa dmirna li ninvestu f’dawn il-pilastri permezz ta’ inizjattivi biex nippreservawhom għall-ġenerazzjonijiet futuri.
“Mument storiku għall-konservazzjoni tal-ambjent f’pajjiżna fejn issa uffiċjalment nistgħu ngħidu li l-barbaġann reġa’ lura fil-gżejjer tagħna”, qal il-President tal-FKNK Lucas Micallef.
Wara s-suċċess tal-proġett tal-barbaġann u l-livestreaming tiegħu, il-ministeru ffinanzja wkoll l-installazzjoni ta’ birdfeeder u kamera bil-possibbiltà ta’ livestreaming li jipprovdi l-opportunità biex wieħed josserva t-tajr li jżuru l-Buskett.
Ir-Razzett tal-Bagħal jospita wkoll proġett ta’ mixtla għal siġar u arbuxelli indiġeni fejn sa issa nżergħu eluf ta’ siġar minn żerriegħa li ġew miġbura mill-ġonna tal-Buskett u mill-madwar. Dawn is-siġar qed jitqassmu lill-pubbliku mingħajr l-ebda ħlas.
Ritratt: DOI