Jiftħu L-Applikazzjonijiet Għall-Premju Nazzjonali Ħaddiema Tas-Sena 2021

 Jiftħu L-Applikazzjonijiet Għall-Premju Nazzjonali Ħaddiema Tas-Sena 2021

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ħabbar il-ftuħ tal-applikazzjonijiet għall-Premju Ħaddiem tas-Sena 2021, bit-tema ‘Nirrikonoxxu s-sehem tal-ħaddiema tagħna’. Din l-edizzjoni se tiġi organizzata taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella.

F’konferenza fil-fabbrika Baxter Malta, rebbieħa tal-Premju tas-Sena 2020 għall-Organizzazzjoni li Tħaddem u li Tippromwovi Miżuri Favur il-Familja, il-Ministru Abela sostna li l-Premju Ħaddiema tas-Sena hija okkażjoni importanti fejn tippremja l-bżulija tal-ħaddiem, nieqfu u napprezzaw xogħol ħaddieħor, id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji li ta’ madwarna jagħmlu biex il-kollegi u l-impjegati tagħhom igawdu mill-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol, mir-rispett, mill-ugwaljanza u minn stil ta’ tmexxija eżemplari. Dan l-impenn huwa aktar sinjifikanti f’sitwazzjonijiet ta’ sfida li l-ħaddiem u min iħaddem qed jesperjenza f’pandemija.

Fl-edizzjoni ta’ din is-sena ser ikun hemm disa’ kategoriji, b’ħamsa minnhom huma kategoriji ġodda. Il-kategoriji kollha huma:

Premju għall-Organizzazzjoni li Tippromwovi l-Aħjar Ambjent, Benefiċċji u Kundizzjonijiet tax-Xogħol għall-Ġenituri 2021; Premju għall-Aħjar Imprenditriċi 2021; Premju għall-Aħjar Imprenditur 2021; Premju għall-aktar Mexxej/ja Żagħżugħ/a Ispiranti 2021; Premju għall-aktar Organizzazzjoni Inklussiva 2021; Premju għall-aktar Kumpanija Sostenibbli 2021; Tim tas-Sena 2021; Maniġer/Kap tas-Sena 2021; Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2021

Ma’ dawn se jingħaqad premju speċjali mogħti mill-ministru. Dan il-premju huwa differenti u mhux  miftuħ għall-applikazzjonijiet bħall-kategoriji l-oħrajn, iżda se jkun magħżul u mogħti mill-ministru. Wara li l-bord tal-għażla jiffinalizza l-għażla tar-rebbieħa, l-istess bord jgħaddi tliet applikazzjonijiet (li mhux rebbieħa mill-bord) lill-ministru, fejn imbagħad tingħażel applikazzjoni waħda minn dawk it-tlieta. L-għan ta’ dan il-premju se jkun biex tingħata iktar opportunità lill-ħaddiema li jiġu rikonoxxuti għax-xogħol siewi tagħhom matul is-sena.

Il-proċess tal-applikazzjoni se jkun qed isir onlajn, fejn għall-ewwel darba se tkun qed tintuża s-sistema tal-eID biex jitħaffef il-proċess. Iżjed informazzjoni fuq il-proċess tal-applikazzjoni kif ukoll l-applikazzjoni stess huma disponibbli fuq is-sit www.msd.gov.mt.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com