Jitħabbar Aktar Rilaxx Ta’ Restrizzjonijiet Fid-Djar Tal-Anzjani…

 Jitħabbar Aktar Rilaxx Ta’ Restrizzjonijiet Fid-Djar Tal-Anzjani…

Illum tħabbar ir-rilaxx ta’ aktar restrizzjonijiet fid-Djar tal-Anzjani u fil-faċilità San Vinċenz de Paul. Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Awtorità tal-Istandards dwar il-Ħarsien Soċjali, li minn April li għadda, beda jopera bħala ċentru tal-vaċċinazzjoni tal-Covid-19, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia spjega li dan ir-rilaxx se jidħol fis-seħħ f’żewġ fażijiet u se jwasslu biex mid-19 ta’ Lulju, l-anzjani se jkunu jistgħu joħorġu waħedhom mid-Dar tal-Anzjani.

Il-Ministru Michael Farrugia elenka l-bidliet ewlenin filwaqt li tenna l-appell tiegħu biex min għadu ma tlaqqamx jieħu l-pass għaqli u jitlaqqam mill-izjed fis possibli.

Mit-3 ta’ Lulju:

  • Se jkun hemm żjarat ta’ siegħa lill-anzjani filgħodu
  • Se jkun hemm żjarat ta’ siegħa u nofs waranofsinhar
  • L-anzjan jista’ jkollu sa żewġ viżitaturi fil-kamra, dment li kemm il-viżitaturi u kemm l-anzjan ikunu mlaqqmin
  • L-ilbies tal-maskra jibqa’ mandatorju
  • Ebda bdil fir-restrizzjonijiet fost persuni li ma jkunux imlaqqmin

Mid-19 ta’ Lulju:

  • L-anzjani jistgħu joħorġu waħedhom mid-Dar tal-Anzjani
  • Jinfetħu mill-ġdid in-‘night shelters’
  • Jitneħħew ir-restrizzjonijiet fin-numru ta’ anzjani li jistgħu jattendu ‘day centres’
  • L-ilbies tal-maskra jibqa’ mandatorju

Il-Ministru Michael Farrugia qal li mis-6 ta’ April sal-aħħar ta’ Ġunju, b’kollox ingħataw b’kollox 26,255 vaċċin. Qal li mill-vaċċin Pfizer, ingħataw 13,071 tilqima fl-ewwel doza u 12,689 tilqima fit-tieni doza, total ta’ 25,760 tilqima filwaqt li mill-vaċċin Astrazenica, ingħataw 253 tilqima fl-ewwel doza u 242 tilqima fit-tieni doza, total ta’ 495 tilqima.

Ħabbar ukoll li l-Awtorità se jkollha Kap Eżekuttiv ġdid, Dr Angele Ellul Fenech filwaqt li awguralha għall-ħidma l-ġdida tagħha f’dan is-settur.

Il-Ministru Farrugia rringrazzja lill-ħaddiema tal-SCSA u lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità li ħadu sehem f’dan il-proċess.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com