Jitħabbru R-Rebbieħa Tal-Premjijiet Nazzjonali Fl-Oqsma STEM Mtella’ Mill-MCST

 Jitħabbru R-Rebbieħa Tal-Premjijiet Nazzjonali Fl-Oqsma STEM Mtella’ Mill-MCST

Matul ċerimonja tal-għoti ta’ premjijiet fl-oqsma tax-Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika (STEM) f’xandira diretta minn Villa Bighi fid-9 ta’ Lulju, tħabbru għaxar rebbieħa minn disa’ kategoriji differenti fl-ewwel edizzjoni organizzata mil-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Dawn il-premjijiet għandhom l-għan li jmexxu ’l quddiem l-oqsma STEM u li jiċċelebraw il-persuni li jħaddmu dawn is-suġġetti biex imexxu ’l quddiem il-ħajja ta’ kuljum fis-setturi tal-edukazzjoni, tax-xogħol u fil-komunitajiet.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici faħħar ix-xogħol siewi li qed isir mir-riċerkaturi Maltin li ddedikaw ħajjithom u l-karrieri tagħhom għar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna. Huwa qal li l-istrateġija għal wara l-pandemija titkellem b’mod ċar dwar il-bżonn li noħolqu ekosistema robusta ta’ innovazzjoni f’pajjiżna u spjega li dan jista’ jsir biss jekk jiġi indokrat it-talent tar-riċerkaturi bravi ta’ pajjiżna.

Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando rrimarka li din is-serata hija ċelebrazzjoni ta’ sentejn xogħol tal-iSTEM Engagement Working Group – grupp li l-Kunsill waqqaf b’ħidma konġunta mal-Università ta’ Malta u mal-MCAST. Filwaqt li rringrazzja lil kull membru tal-working group li llum il-ġurnata jinkludi fih diversi entitajiet oħra, saħaq ukoll li din iċ-ċelebrazzjoni hija kulminazzjoni ta’ ħafna xogħol u ħidma biex tkun rikonoxxuta l-ħidma siewja ta’ professjonisti u ta’ entitajiet fl-oqsma STEM. Żied jgħid li dan għandu jservi sabiex aktar tfal u żgħażagħ ikunu mħeġġa jagħżlu suġġetti u karrieri fl-oqsma STEM u b’hekk ikunu jistgħu jipprofittaw ruħhom aktar mill-opportunitajiet ta’ xogħol li qed jinħolqu f’pajjiżna u jagħtu kontribut għall-avvanz tal-ekonomija Maltija.

Ir-rebbieħ tal-Premju STEM Ambassador Award kien il-Prof. Joseph Borg. Ix-xogħol tiegħu huwa relatat l-aktar mal-ġenetika umana u l-bijoloġija molekulari. Wieħed mill-proġetti ambizzjużi tiegħu bbażati fuq STEM huwa Maleth, li jgħaqqad ix-xjenza bijomedika u d-DNA mal-bijoloġija spazjali. Dan il-proġett se jara l-ewwel proġett xjentifiku tal-laboratorju bijomediku Malti li se jsir abbord l-Istazzjon Spazjali Internazzjonali, filwaqt li jinvolvi lit-tfal, gruppi u skejjel Maltin biex ikunu parti minn din il-missjoni.

Il-premju Best Secondary School Teacher Award for Contribution to STEM mar għand is-Sinjura Sabrina Camilleri. Is-Sinjura Camilleri tgħallem permezz ta’ dimostrazzjonijiet sempliċi u attivitajiet prattiċi li jgħinu biex jispjegaw viżwalment il-kunċetti xjentifiċi. B’passjoni kbira għall-Fiżika u l-Matematika, hija tesponi lill-istudenti tagħha għal varjetà ta’ strateġiji ta’ tagħlim, jiġifieri tagħlim investigattiv, diskussjoni, attivitajiet prattiċi, xogħol kreattiv u litteriżmu diġitali. Il-metodi tagħha jnisslu kurżità fl-istudenti tagħha u jagħmlu l-lezzjonijiet tagħha mhux biss effettivi iżda wkoll pjaċevoli.

Dr Marie Briguglio kisbet il-Premju Award for Engaged Researcher. Ix-xogħol ta’ Dr Briguglio jiffoka fuq mudelli xjentifiċi ta’ benesseri, imġiba ambjentali, parteċipazzjoni kulturali u ekonomija fost oħrajn. Hija interessata wkoll fil-kooperazzjoni fl-immaniġġjar tal-iskart, l-użu tal-istatus u r-reazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli u tal-pressjonijiet ambjentali. Hija wettqet bosta proġetti ta’ riċerka kollaborattiva li kienu jinvolvu d-diversi partijiet interessati matul il-proċess ta’ riċerka fosthom kull tip ta’ komunitajiet bħat-tfal, is-CEOs u l-artisti.

Il-Premju Young Researcher Award mar għand il-Prof. Joseph Borg. Imfaħħar mill-istudenti u l-kollegi tiegħu għall-kapaċità li jittrażmetti l-passjoni tiegħu fuq diversi suġġetti xjentifiċi speċjalment dawk relatati mal-ġenetika tad-DNA u l-bijoloġija taċ-ċelloli, Prof Borg huwa forza li tixpruna kontinwament ir-riċerka multidixxiplinari. Ir-riċerka tiegħu fir-rigward ta’ familji Maltin b’mutazzjonijiet ġenetiċi rari ħafna fil-ġene tal-KLF 1 uman, wasslet għal titjib fil-prattiki tax-xogħol fil-Klinika Molekulari ġenetika u tat-Talassaemia fl-Isptar Nazzjonali tagħna. Il-Professur Borg huwa wkoll il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tax-Xjenzjati Bijomediċi.

Ir-rebbieħa tal-Premju Women in STEM Awards kienet Dr Alexandra Bonnici. Dr Bonnici tmexxi d-Dipartiment tas-Sistemi u l-Inġinerija tal-Kontroll u hija l-ewwel Kap tad-Dipartiment femminili fl-istorja tal-Fakultà. Permezz tax-xogħol tagħha, hija tindirizza kemm l-aspetti akkademiċi kif ukoll dawk ta’ sensibilizzazzjoni ta’ STEM. Waħda mill-kisbiet ewlenin tagħha kienet li tospita s-sbatax-il Simpożju Internazzjonali dwar l-Inġinerija tad-Dokumenti (DocEng) f’Malta. Hija ġiet eletta bħala membru tal-kumitat ta’ tmexxija matul is-simpożju u reġgħet ġiet fdata bir-rwol ta’ “President Programm” fl-2021.

Il-Premju Lifetime Award for Contribution to STEM mar għand il-Prof. Irene Sciriha. Il-Prof Sciriha hija l-ewwel mara maħtura Professur fil-Fakultà tax-Xjenza fl-Università ta’ Malta. Hija riċerkatur akkademiku fid-Dipartiment tal-Matematika u kienet l-ewwel mara Maltija li ngħatat il-lawrji ta’ M.Sc u Ph.D fil-Matematika mill-Università Maltija u minn Reading University, fir-Renju Unit rispettivament.

Il-Premju Best STEM Employer Award mar għand Baxter. Il-kumpanija Baxter ilha 85 sena tfittex b’mod attiv li timpjega inġiniera u xjentisti. Baxter tappoġġa l-professjonisti STEM permezz ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ, esperjenzi tax-xogħol u sigħat flessibbli, li jippermettu lil dawn il-professjonisti jespandu l-iżvilupp professjonali tagħhom.

Wild for Orchids u Akustika rebħu l-Premju għall-Aqwa Proġett tal-Komunità STEM. Wild for Orchids tistudja l-ispeċi differenti ta’ orkidej f’Malta u Akustika tistudja l-ispeċi tal-friefet il-lejl f’Malta. It-tim wara dawn il-proġetti huwa Green House, organizzazzjoni ta’ riċerka interdixxiplinari u volontarja li għandha l-għan li tissalvagwardja l-ambjent Malti.

Il-premju għall-Aħjar Proġett STEAM (Premju tal-Panel) mar għal Science in the City. Science in the City huwa l-festival Nazzjonali tax-Xjenza u l-Arti ta’ Malta u jiffoka fuq l-importanza tax-xjenza u r-riċerka fil-ħajja ta’ kuljum. Matul l-avveniment, ir-riċerkaturi jieħdu posthom madwar il-belt kapitali tagħna u jagħtu lill-viżitaturi l-opportunità li jinvolvu ruħhom max-xjenza b’mod prattiku u pjaċevoli.

Il-premju Best STEAM Project People’s Choice Award mar għand Diversely Typical ta’ Moveo Dance Company, maħluqa u mfassla minn Diane Portelli. Diversely Typical hija prestazzjoni kontemporanja taż-żfin li titfa’ dawl fuq in-newrodiversità. Hija mmirata lejn it-tfal bejn id-9 u l-15-il sena u għandha l-għan li tinkoraġġixxi t-tħaddin tal-varjazzjonijiet naturali fil-ġeni umani li jirriżultaw f’kundizzjonijiet bħall-Awtiżmu u l-ADHD, l-Oppositional Defiant Disorder u s-Sensory Processing Disorder.

Ritratti (MFER)

 

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com