John Dalli Jwieġeb Lill-Għaqda Repubblika – Jirreferi Għal Daphne Caruana Galizia Bħala Kriminali Perversa
Fi stqarrija minn John Dalli; eks Membru Parlamentari li serva f’bosta rwoli differenti fil-passat kif ukoll kien il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur saħaq li l-Għaqda Repubblika li hu sejħilha ‘non entità ‘ jew jissostanzjaw l-allegazzjonijiet tagħhom jew jitolbu apoloġija.
“Illejla grupp żgħir ta’ pupazzi eżaltati li ma jirrappreżentaw lil ħadd iżda li jaġixxu daqs li kieku qed imexxu dan il-pajjiż iddeċidew li jassoċjawni mal-korruzzjoni, hekk kif min imexxihom ilu jagħmel f’dawn l-aħħar 35 sena”, stqarr Dalli.
Għamel referenza għal dak għal każijiet differenti li jaħseb li qed jirreferu fosthom għall-każ ta’ frodi ta’ Giovanni Kessler li qal li baqa’ jinħeba taħt il-protezzjoni tal-impunità mill-Kummissjoni. Tenna li għal tliet snin il-Pulizija Belġjana ppruvat tinterroga lil Kessler u lill-istaff tal-OLAF dwar il-mod kif wettqu l-investigazzjoni kontrija. Qal ukoll li l-Kummissjoni ostakolat il-ġustizzja billi rrifjutat din it-talba kif ukoll anke wara li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kellha tingħata l-ebda immunità, il-Kummissjoni baqgħet tostakola l-ġustizzja.
“Forsi qed jirreferu għall-għadd ta’ kalunji vvintati mill-kriminali perversa Daphne Caruana Galizia bħal dik li Egrant hija tiegħi, li jien is-sid ta’ 17 Black, li kont involut fil-privatizzazzjoni tal-Isptarijiet, eċċ. Din il-kriminali perversa ngħatat l-impunità mill-Gvern Laburista meta ħadt azzjoni kontriha għall-“harassment”. Huma waqqfu lill-pulizija milli jipproċedu b’ investigazzjoni li kienet għaddejja”, kompla jgħid john Dalli.
“Jew forsi ħawduni ma’ xi ħadd li seraq miljuni fl-iskandlu taż-żejt, jew li aġixxa bħala “nomiinee” biex jirregistra f’Malta kumpaniji għall-Mafja jew il-PPP mill-Afrika, jew li biddlu illegalment il-kundizzjonijiet tal-kuntratti tal-art… Ħadd minn dawn ma qiegħed fuq il-lista ppubblikata mit-Times of Malta”
Temm billi qal li jistenna li dawn in-nonentitajiet li jingħataw spinta “mill-midja korrotta f’Malta jew jissostanzjaw l-allegazzjoni tagħhom jew jagħmlu apoloġija.”