Kampanja Parti Mill-‘Blue Heart Campaign’ Tan-Nazzjonijiet Uniti Għall-Jum Dinji Kontra T-Traffikar Tal-Persuni

 Kampanja Parti Mill-‘Blue Heart Campaign’ Tan-Nazzjonijiet Uniti Għall-Jum Dinji Kontra T-Traffikar Tal-Persuni

It-30 ta’ Lulju huwa rikonoxxut bħala l-Jum Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Traffikar ta’ Persuni u ġie stabbilit bħala jum ta’ inizzjattiva globali biex titqajjem kuxjenza dwar il-forom differenti ta’ traffikar tal-bnedmin u l-impatt devastanti li dan iħalli fuq il-vittmi, kif ukoll bħala turija ta’ solidarjetà magħhom. Din l-inizzjattiva għandha l-għan li tinkoraġġixxi involviment kemm mill-gvernijiet, mis-soċjetà ċivili, mis-setturi tan-negozju, kif ukoll mill-individwi, biex tispira azzjoni u tgħin fil-prevenzjoni ta’ dan ir-reat. Dan waqt li twassal tagħrif dwar kif vittma tista’ tfittex l-għajnuna.

Il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qed jorganizza l-Kampanja Blue Heart f’Malta. Il-Gvern se jkun qed juri appoġġ lejn din il-kawża, billi jixgħel bini prominenti bħall-Berga ta’ Kastilja u Funtana tat-Tritoni b’ dawl blu, fid-29 u t-30 ta’ Lulju. Il-qalb blu hija rikonoxxuta bħala s-simbolu internazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin, u tirrappreżenta n-niket tal-vittmi li qed jiġu traffikati, filwaqt li tfakkarna fil-qalb iebsa ta’ dawk li jinnegozjaw fil-bnedmin, bħallikieku kienu sempliċi oġġetti.

It-tema għal din is-sena hija dik ta’ “L-Ilħna tal-Vittmi Jmexxu t-Triq“. Din it-tema tkompli ssaħħaħ l-importanza li aħna bħala individwi, mhux biss għandna nieqfu kontra t-traffikar tal-bnedmin, iżda nisimgħu u nifhmu l-vittmi u l-esperjenzi li kellhom jgħaddu minnhom.

Din il-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni tnediet fis-26 ta’ Lulju fil-Belt Valletta mill-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Dr Owen Bonnici. Bħala parti minn din il-kampanja, twaqqfet wirja fi Pjazza Tritoni b’ banners, li juru l-esperjenzi ta’ għadd ta’ vittmi tat-traffikar tal-persuni, li se jintwerew fuq kubi fi Pjazza Tritoni. Din il-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku bejn it-Tnejn 26 ta’ Lulju u l-Ġimgħa 30 ta’ Lulju (iż-żewġ ġranet inklużi). L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li tqajjem kuxjenza fost il-pubbliku dwar is-sitwazzjoni tat-traffikar f’Malta, bħala parti minn kampanja usa’ organizzata mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem bl-istess tema.

Waqt id-diskors tal-ftuħ, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Dr Owen Bonnici spjega li l-Gvern għandu d-dmir li jisma’ l-istejjer tal-vittmi u jikkunsidra s-suġġerimenti tagħhom sabiex ikun jista’ jieħu azzjonijiet konkreti, li se jwasslu għal approċċ mibni madwar il-vittmi biex jiġġieled it-traffikar fil-forom kollha tiegħu.

“Malta ilha tiġġieled kontra r-reat tat-traffikar tal-bnedmin għal snin twal u l-Gvern issa huwa mpenjat sabiex iwaqqaf l-ewwel strateġija nazzjonali kontra dan it-traffikar. Din l-istrateġija se titfassal fuq multiagency approach, fejn il-partijiet interessati kollha se jkunu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, bil-għan li nagħtu aktar għajnuna lill-vittmi, nipprovdu l-istrutturi meħtieġa biex nipprevjenu t-traffikar u jkollna pieni aktar ħorox għat-traffikanti”, saħaq il-Ministru Owen Bonnici.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com