Konferenza Biex Jiġu Ndirizzati L-Problemi Fis-Settur Edukattiv

 Konferenza Biex Jiġu Ndirizzati L-Problemi Fis-Settur Edukattiv

Waqt il-ftuħ ta’ konferenza li analizzat f’dettall l-isfidi li qed jaffaċċjaw l-eduakturi, bit-tema, ‘The Challenges that Educators Face’, l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fetħet din il-konferenza b’diskors fejn qalet li “dan kien eżerċizzju kuraġġuż biex nagħmlu analiżi vera, korretta u reali tas-sitwazzjoni tal-edukaturi, biex eventwalment it-tajjeb li hemm insaħħuh imma wkoll biex nindirizzaw fejn hemm bżonn u biex possibbilment neradikaw fejn hemm in-nuqqasijiet, fejn hemm il-ħażin. Dan huwa importanti għaliex f’idejna lkoll għandna r-responsabbiltà tat-tfal tagħna, ta’ uliedna, tal-pajjiż kollu.”

“Jiena qiegħda hawn biex nisma’ lilkom għax intom il-protagonisti tas-settur edukattiv, għaliex irrid li naġixxi u nindirizza dak li se nisma’, għaliex irrid li jkolli settur b’saħħtu li mhux biss ikun reżiljenti għall-isfidi li għandna llum, imma li jkun b’saħħtu biżżejjed biex naffaċċjaw l-isfidi li ġejjin, nibdluhom f’opportunitajiet, u r-reżiljenza li wrejna matul dawn l-aħħar xhur hija indikattiva kemm aħna kapaċi nieħdu r-riedni f’idejna, immexxu u noħorġu l-ġid minn sitwazzjonijiet li jkunu avversi”, żiedet tgħid il-Ministru Caruana.

Matul il-konferenza, il-protagonisti kienu l-edukaturi f’kull livell tas-settur edukattiv fl-iskejjel tal-gvern, li wara analiżi dettaljata li saret mill-Professur Mark Borg, taw l-opinjonijiet, il-kummenti u s-suġġerimenti tagħhom. Il-preżentazzjoni saret wara studju kummissjonat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u mill-union tal-għalliema biex jiġu identifikati l-isfidi li jaffaċċjaw l-edukaturi. Il-Prof. Borg għamel stħarriġ permezz ta’ surveys li kienu indirizzati għal kull settur, l-amministrazzjoni, l-edukaturi fl-iskejjel sekondarji, l-edukaturi fl-iskejjel primarji, LSEs u KGEs.

Fi tmiem il-konferenza, li saret kemm b’parteċipazzjoni fis-sala u b’għadd ta’ edukaturi jsegwu u jipparteċipaw b’mod virtwali, ġew ippreżentati sensiela ta’ konklużjonijiet li ħarġu mill-preżentazzjoni tal-Prof. Borg u mid-diskussjoni aperta li kien hemm.

Spikkaw fost l-oħrajn il-bżonn ta’ aktar komunikazzjoni bejn is-setturi kollha; il-ħtieġa li jkun hemm aktar użu tat-teknoloġija tal-informatika mhux biss fit-tagħlim imma wkoll fil-komunikazzjoni; li jkun hemm aktar appoġġ kemm mill-iskola u mill-ġenituri; u li jkun hemm aktar taħriġ għall-edukaturi. L-iktar li spikka b’mod ġenerali f’kull livell madanakollu kien li fil-qasam edukattiv għad hemm ħafna paperwork.

Fost kummenti ta’ dawk preżenti, intqal li hemm diskrepanza fil-workload tal-edukaturi; li għandu jkun hemm moratorju temporanju bħala perjodu ta’ konsolidar tar-riformi u l-bidliet li ddaħħlu fl-aħħar xhur biex l-edukaturi jadattaw għalihom; il-problema ta’ edukaturi li ma jlestux ix-xogħol fil-ħin tal-iskola u jkollhom jieħduh magħhom id-dar; il-bżonn li l-edukaturi nfushom ikunu lesti li jadattaw ruħhom għall-bidliet li jsiru; u kien hemm proposta wkoll li jkun hemm curriculum leaders u administrative leaders biex l-għalliema jiffukaw fuq it-tagħlim u mhux fuq l-aspett amministrattiv.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Edukazzjoni Clyde Puli u mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri. Taw ukoll l-opinjonijiet tagħhom waqt il-konferenza l-imsieħba soċjali u rappreżentanti tal-iskejjel indipendenti u dawk tal-Knisja.

Fost l-interventi li kien hemm, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb qalet li l-isfidi tal-edukaturi huma l-isfidi ta’ ħafna ħaddiema f’setturi oħrajn imma hemm bżonn li jkun magħruf x’qed jaffettwa l-ineffiċjenzi, fosthom l-użu eċċessiv ta’ emails għall-komunikazzjoni, li ħafna drabi qed jiddupplikaw ix-xogħol u jwasslu għal ħela ta’ ħin.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com