Kontroll Tad-Dwana U L-Istabilità Fit-Taxxi Huma L-Fatturi Li Wassal Għal Tnaqqis Sostanzjali Tas-Sigaretti Bil-Kuntrabandu
F’rapport li ħarġet il-KPMG juri li f’Malta matul is-sena 2020 is-suq tas-sigaretti bil-kuntrabandu kompla jonqos.
Ir-rapport analizza s-sitwazzjoni fil-pajjiżi tal-UE, fir-Renju Unit, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera matul l-2020 fejn dawn suq tas-sigaretti bil-kuntrabandu kompla jiżdied, filwaqt li f’Malta naqas.
F’ Malta s-suq tas-sigaretti bil-kuntrabandu ilu jara tnaqqis sa mill-2016 fejn minn 17.2% f’dik is-sena niżel għal 6.4% matul is-sena li għaddiet li jiġu ekwivalenti għal 0.03 biljun sigarett.
Dan kien dovut l-aktar għall-kontroll tad-Dwana Maltija u l-istabilità fit-taxxi fuq is-sigaretti.
Il-KPMG sabet ukoll b’mod totali li s-suq tas-sigaretti bil-kuntrabandu kiber b’0.5% fuq l-2019 biex laħaq is-7.8%, jiġifieri 34.2 biljun sigarett li ma tħallsux it-taxxi dovuti fil-pajjiżi tal-UE, fir-Renju Unit, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera.
Ir-rapport sab ukoll li fl-2020 kien hemm żieda ta’ 87% fil-konsum tas-sigaretti bil-kuntrabandu bis-27 pajjiż membru tal-UE jitilfu bejniethom €8.5 biljun.
Franza kienet l-iktar pajjiż b’kuntrabandu ta’ sigaretti, 23.1% tas-suq fl-Ewropa u wara l-Greċja b’22.4%.