“Konvint Li Bir-Rieda Tajba Ta’ Kulħadd Nistgħu Naslu” – Bernard Grech
“Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed ċar u kostanti, ħadd waħdu ma għandu s-soluzzjonijiet. Issa jmiss lil kull min irid u kull min jemmen fix-xogħol u fil-ħiliet ta’ team, li flimkien niġu madwar mejda biex dan il-pajjiż noħorġuh minn dan l-isħab griż, għalhekk il-bżonn ta’ Task Force Nazzjonali biex twettaq it-tibdil fl-iqsar zmien possibli.”
Hekk sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta fuq talba tiegħu stess ltaqa’ u indirizza lill-imsieħba soċjali mal-ewwel okkażjoni li ltaqa’ l-MCESD wara li pajjiżna tpoġġa fil-greylist tal-FATF.
Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista, intqal li Bernard Grech innota b’diżappunt rapporti, li numru ta’ imsieħba mhux dejjem iħossuhom parti mid-diskussjoni meħtieġa biex l-affarijiet jimxu ‘l quddiem, fejn dawk li jmissu l-għeruq tas-soċjetà, l-ekonomija, l-ħaddiema u kull min jgħix f’Malta jħossu li pajjiżna għandu jimxi ‘l quddiem u jkompli jikber.
L-ewwel appell tal-Kap tal-PN lill-MCESD kien biex dan il-forum isir il-post fejn tiġi imwielda, żviluppata u msaħħa d-diskussjoni, biex il-pariri ma jaqgħux fuq widnejn torox, imma jjittieħed bis-serjeta. “Jien bħala Kap tal-Oppożizzjoni, bħala parti mill-PN, qegħdin hawn u se nibqgħu hawn fejn meħtieġ biex inkomplu niltaqgħu magħkom individwalment u kolletivament biex naraw li dan id-djalogu jseħħ għall-ġid ta’ pajjizna.”
Bernard Grech tenna li dan huwa mument kritiku għal pajjiżna u fakkar kif l-ebda retorika jew ftaħir mhu se joħroġ lil pajjiżna minn dan l-isqaq li daħħalna fih Gvern Laburista.
Waqt li kien qed jindirizza lill-imsieħba soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar ilfatt li sfortunatament hemm bosta operaturi li qed jantiċipaw li l-greylisting se jkollu impatt fuq l-investiment barrani u dan mhux biss fuq is-servizzi finanzjarji.
Il-Kap tal-PN saħaq li wara li Malta implimentat ħafna mill-kriterji meħtieġa tal-Moneyval, issa jonqos rieda politika b’saħħitha u anke kredibiltà. Hu saħaq li din tista’ tiġi biss jekk ikun hemm kordinament nazzjonali, għaliex id-dubji tal-FATF ġejjin minn deċiżjonijiet tal-Gvern fejn ma kkonvinċiex li jiġġieled kontra l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni.
“Jeħtieġ formula differenti, aħna lesti li nkomplu nagħmlu l-parti tagħna bi sħiħ f’din ilformula. Intenni l-appell biex il-Gvern ma jibqax jinjora t-talba tagħna, suġġeriment li għamilna b’responsabiltà, biex isir sforz nazzjonali, nirrikonuxxu l-problema u nsolvuha.
Konvint, bil-mira li jkollna progress fil-laqgħa li jmiss tal-FATF f’Ottubru.” Il-Kap tal-PN fakkar kif l-Oppożizzjoni ma tistax tistenna l-burdata tal-Gvern, u għalhekk nediet numru ta’ miżuri bil-ħsieb li jkunu involuti dawk kollha milquta mill-greylist f’diskussjoni. “Nifmhu lproblema, s-soluzzjonijiet u imbagħad nibdew it-triq biex noħorġu mill-list l-griża.”
Il-Kap tal-PN saħaq li l-Oppożizzjoni trid li fil-Parlament jitwaqqaf kumitat aposta, dedidikat għar-restawr tar-reputazzjoni ta’ Malta, biex nerġgħu lura fuq il-lista l-bajda. Dan il-kumitat jista’ jassigura li tassew ikollna diskussjoni struturata li tinvolvi lil kulħadd. Bernard Grech fakkar li l-FATF stess qaltilna, “do not downplay the effect of greylisting”. [email protected]
Bernard Grech temm l-interventi tiegħu b’messaġġ ta’ għaqda; “Insejħilkom biex flimkien naħdmu, biex flimkien naġixxu, spiċċa ż-żmien li nitkellmu b’nofs kliem, dan huwa żmien li ngħiduha kif inhi, ngħidu dak li hemm bżonn ngħidu u mhux dak li hemm min jixtieq jisma.
Jien konvint li bir-rieda tajba ta’ kulħadd nistgħu naslu, bl-ideat tagħkom nistgħu naslu, bl-imħabba li għandna lejn pajjiżna nistgħu nirnexxu.”
Preżenti għal din il-laqgħa mal-Kap tal-PN Bernard Grech kien hemm id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Claudio Grech, Mario de Marco, Kristy Debono u Joseph Ellis.