L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali Tirreaġixxi Wara L-Inċident Tal-Bieraħ Fin-Naxxar
L-inċident li seħħ ilbieraħ ġewwa l-Kunsill Lokali tan-Naxxar qajjem bosta kumment fejn min jaqbel u min le. Hemm min forsi jara t-titlu jew l-ewwel biċċa ta’ l-artiklu allura jirreaġixxi b’ċertu mod filwaqt li min jkun ra l-istorja kollha jkun irreaġixxa mod ieħor.
L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali ħarġet stqarrija dwar dan fejn qalet li għalkemm il-munita taċ-ċenteżmu tal-Ewro hija munita approvata fiċ-ċirkulazzjoni mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, wieħed irid juri rispett lejn il-ħaddiema u l-amministrazzjoni tal-Kunsill Lokali, li ġurnata wara oħra jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jagħtu l-aħjar servizz lir-resident, spjegat l-Assoċjazzjoni.
L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali kompliet tgħid li “filwaqt li titlob rispett sħiħ lejn il-ħaddiema u l-membri eletti tal-Kunsilli Lokali, tappella l-pubbliku sabiex fejn jista’ u fejn hu possibbli jagħmel użu minn mezzi elettroniċi sabiex jagħmel il-ħlasijiet dovuti minnu.”
“Tagħlaq billi tikkundanna bla ebda riservi, id-diskors dispreġġattiv li ntuża fil-konfront tal-istess ħaddiema” ikkonkludiet l-istqarrija l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali.
Min naħa l-oħra aħna għamilna wkoll ftit riċerka fejn jidher li hemm liġi li tirregola dan kollu. Fil-fatt f’artikolu 11 tal-Liġi Komunitarja insibu paragrafu li jirregola l-limitu għall-ħlas bi flus kontanti.
Dan l-artiklu jgħid li “ħlief għall-awtorità kompetenti u għal dawk il-persuni speċifikament maħtura mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru emittenti, l-ebda parti ma għandha tkun obbligata li taċċetta aktar minn 50 munita fi kwalunkwe pagament uniku”.