L-Awtorità Reġjonali Għall-Iżvilupp Ta’ Għawdex Tniedi L-Viżjoni Soċjo-Ekonomika Għall-10 Snin Li Ġejjin
L-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex nediet proċess ta’ konsultazzjoni pubblika bl-għan li tiġi żviluppata l-istrateġija għall-iżvilupp ta’ Għawdex għall-10 snin li ġejjin. Din l-istrateġija ser isservi ta’ pjan biex l-inizjattivi, proġetti u miżuri li ser jiġu implimentati f’Għawdex fil-futur isiru b’mod ippjanat u li jirrispettaw l-istess strateġija li ser tiġi mfassla għal Għawdex mill-Għawdxin.
Din l-istrateġija u l-proċess tal-konsultazzjoni ser jiffukaw fuq tmien oqsma li huma kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli ta’ Għawdex. Dawn it-tmien oqsma li fuqhom ser tkun qed tiġi msejsa din l-istrateġija huma: Żvilupp sostenibbli għal Għawdex u ħarsien ta’ spazji pubbliċi; Infrastruttura u aċċessibilità; Żvilupp ekonomiku u żvilupp tat-talent uman; Niċeċ ekonomiċi ġodda; Turiżmu sostenibbli; Żvilupp soċjali; Ħarsien tal-ambjent rurali u Eko-Għawdex u Il-Kultura, il-wirt storiku u l-arti.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nnota kif eventwalment, l-istrateġija se tkun imfassla mill-Għawdxin stess, biex b’hekk nifhmu l-bżonnijiet u l-isfidi ta’ din il-gżira u fejn nixtiequ naraw lil Għawdex fil-futur. Hawnhekk, filwaqt li wera l-impenn tiegħu biex din tiġi implimentata, qal li, “L-istrateġija se tara li jiġu indirizzati b’mod iktar urġenti u adegwat il-karatteristiċi ta’ Għawdex, l-aktar fosthom il-konnettività u użu aħjar tar-riżorsi, kemm naturali, finanzjarji kif ukoll dawk umani. Strateġija li tħares ukoll lejn l-iżvilupp ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda, l-impenn lejn il-ħarsien tal-ambjent naturali, it-tisħiħ tas-settur kulturali, artistiku u storiku, li jsawru u jagħtu identità lilna l-Għawdxin. L-istrateġija ser tiffoka ukoll fuq il-pilastru ekonomiku ewlieni ta’ Għawdex – it-turiżmu.”
Iċ-Chairman tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, is-Sur Michael Grech, qal li illum hi ġurnata importanti għal Għawdex bit-tnedija ta’ dan id-dokument liema dokument qed jagħti viżjoni għal Għawdex. Hu stieden lill-pubbliku kollu, speċjalment dawk kollha li għandhom lil Għawdex għal qalbhom, biex jikkonkorru u jwasslu l-ideat, is-suġġerimenti u l-viżjoni tagħhom għal Għawdex biex ilkoll flimkien insawru strateġija fattibbli u li twitti t-triq ‘l quddiem.
Is-Sur Mario Borġ, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, qal li l-istrateġija hi msejsa fuq tliet binarji ewlenin. L-ewwel parti tiffoka fuq kif irridu naraw lill-Għawdex fl-10 snin li ġejjin b’enfasi partikolari li Għawdex jibqa’ distint minn Malta filwaqt li jkomplu jinħolqu l-opportunitajiet f’din il-gżira, kemm għan-negozji, investituri u ħaddiema. “Apparti hekk, dan id-dokument, qed jippreżenta għad-diskussjoni 88 miżura maqsuma fi 8 oqsma partikolari li lkoll huma importanti għal Għawdex”, kompla s-Sur Borg. F’dan id-dokument hemm ukoll indikat kif dawn il-proposti u oħrajn li se jiġu issuġġeriti mill-pubbliku u stakeholders oħra għandhom jiġu implimentati fiż-żmien li ġej.
Id-dokument dwar l-istrateġija għal Għawdex hu aċċessibbli minn fuq is-sit tal-Awtorità – grda.mt. Kull min hu interessat li jikkontribwixxi f’din l-istrateġija għandu jgħaddi is-suġġerimenti, ideat u l-viżjoni tiegħu billi jibgħat email fuq: [email protected] jew jimla l-formula li hi aċċessibbli fuq is-sit tal-Awtorità. Dan il-proċess ser jiġi fi tmiemu nhar it-Tlieta, 31 ta’ Awwissu, 2021.
Ritratti: MGOZ