L-Għaqda Repubblika Tgħid Li Angelo Gafà Għandu Jressaq Quddiem Il-Ġustizzja Lil Dawk Li Ħatfu Lil Pajjiżna
L-Għaqda Repubblika f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-kwartieri ġenerali tal-Pulizija qalet li s-sur Angelo Gafà għandu jressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk li ħatfu lil pajjiżna permezz tal-iskandli kontinwa u li kasbru isem pajjiżna.
Robert Aquilina President tal-Għaqda Repubblika saħaq li jinsabu ddiżapuntati bin-nuqqas ta’ azzjoni f’din is-sena li ilu fil-kariga. Żied jgħid li xogħol il-Kummissarju mhux biss li jagħmel re-branding tal-Korp, imma li fuq kollox jara li jkun hemm riżultati konkreti fl-investigazzjonijiet li suppost qed isiru biex dawk li qed iħammġu isem pajjiżna jduqu l-ġustizzja.
Aquilina tenna li jekk il-kummissarju jieħu azzjoni fuq dawn in-nies ħa jsib lir-Repubblika spalla ma’ spalla miegħu u jappoġġjaw ħidmietu.
Ir-Repubblika temmet billi qalu li l-pajjiż jista’ jaqbad it-triq tas-sewwa biss jekk ikollu kummissarju tal-pulizija li jwettaq il-missjoni tiegħu, li skont Repubblika hi li min hu korrott, il-Kummissarju għandu jitfagħhom il-ħabs.