“L-Impjant Waste-To-Energy Ta’ Malta Se Jkun Qed Jipproduċi Madwar 5% Tal-Elettriku Ta’ Pajjiżna” – Il-Ministru Aaron Farrugia
Waqt żjara fl-impjant waste-to-energy li jinsab fi Spittelau, fiċ-ċentru ta’ Vienna, il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia ddiskuta l-vantaġġi kollha relatati ma’ din is-sistema ta’ livell għoli ambjentali ta’ trattament tal-iskart.
Il-Ministru Farrugia kien akkumpanjat mill-Ministru għat-Tibdil fil-Klima, l-Ambjent, Trasport u l-Energija tal-Awstrija Leonore Gewessler li spjegat kif dan l-impjant huwa wieħed mill-aqwa soluzzjonijiet ambjentali għall-belt ta’ Vienna, u li mhux talli l-pubbliku għandu opinjoni tajba ħafna tiegħu imma li saħansitra jattira eluf ta’ viżitaturi fis-sena.
L-inċineratur ta’ Spittelau jinsab fiċ-ċentru tal-belt ta’ Vienna ftit passi ’l bogħod minn fejn jgħixu u jaħdmu eluf ta’ familji u biswit il-campus tal-Università ta’ Vienna.
Id-delegazzjoni Awstrijaka kellha kliem ta’ tifħir hekk kif semgħet id dettalji tal-investiment ta’ nofs biljun ewro fil-proġett ECOHIVE li qed jiġi implimenat bħalissa f’pajjiżna. “L-impjant waste-to-energy f’Malta għalkemm ibbażat fuq l-istess kunċett ta’ dak ta’ Vienna se jkun qed jibbenefika minn l-aqwa teknoloġija li hawn fis-suq bħalissa, liema suq għamel avvanzi kbar fl-aħħar snin. B’hekk, Malta ma tibqax tistrieħ fuq il-politika tal-passat li tiddependi fuq il-miżbliet imma permezz ta’ kumpless ECOHIVE b’diversi impjanti ser ikollha l-aqwa set-up possibbli biex l-iskart jiddawwar f’riżorsa,” stqarr il-Ministru Farrugia.
Il-Ministru Farrugia qal li l-impjant waste-to-energy ta’ Malta se jkun qed jipproduċi madwar 5% tal-elettriku ta’ pajjiżna, filwaqt li jnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-miżbliet. Dan l-impjant se jkun qed joffri ukoll żewġ linji operattivi ta’ 96 tunnellata kull waħda.
Il-Ministru spjega ukoll kif f’dawn l-aħħar xhur Malta kompliet tirreġistra titjib kbir f’dan il-qasam hekk kif ta’ kuljum madwar 37 tunellata ta’ skart riċiklabbli qed jerġa’ jiddaħħal fl-ekonomija u fejn jidħol ir-riċiklar tal-plastik sal-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena kienu diġà nġabar id-doppju tal-materjal li kien jinġabar f’sena fis-snin ta’ qabel.
Waqt laqgħa bilaterali bejn il-Ministri, il-Ministru Farrugia żied jgħid ukoll li Malta se tnaqqas l-emissjonijiet mis-settur tal-iskart tagħha, billi tindirizza l-azzjonijiet lejn il-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ skart ġdid, tinċentiva l-użu mill-ġdid u t-tiswija ta’ prodotti, iżda wkoll tindirizza l-kapaċitajiet ta’ għażla tagħna, permezz ta’ faċilitajiet ta’ skart ġodda. Fil-fatt, Malta qed tadotta diversi miżuri biex tindirizza it-tibdil fil-klima permezz tal-Low Carbon Development Strategy li effettivament issawwar il-mudelli fit-tul għall-ekonomija newtrali tal-karbonju sal-2050 u tikkontribwixxi għall-isforzi kollettivi tagħna dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-livell tal-UE u dak internazzjonali.