L-MUT Tagħti Direttivi Lill-Istaff Akkademiku Tal-Universita Ta’ Malta
L-MUT qed tagħti direttivi lill-istaff akkademiku tal-Universita ta’ Malta sabiex ma jagħtix informazzjoni mitluba dwar safar u jinjora tali komunikazzjoni.
Dan ħareġ fi stqarrija fejn l-MUT qalet li l-Università ta’ Malta trid iġġiegħel lill-istaff akkademiku li siefru matul is-sajf sabiex jagħmlu PCR test qabel ma jidħlu lura għax-xogħol wara l-btajjel tas-sajf.
Jidher li dan ħareġ f’komunikazzjoni mibgħuta lill-impjegati tal-università, fejn minnbarra l-ħtieġa ta’ dan il-COVID test negattiv, biex ikunu jistgħu jirritornaw għax-xogħol wara s-sajf, l-amministrazzjoni tal-università qed teżiġi wkoll li kull min ikun ser isiefer irid jagħti l-informazzjoni kollha dwar is-safar, inkluż id-destinazzjoni, iż-żmien tal-btala u dettalji dwar il-vaċċinazzjoni.
L-MUT qed toġġezzjona bil-qawwi għal dan l-aġir, li m’huwiex konformi mal-liġi u mad-direttivi tas-saħħa pubblika, u ilbieraħ tat lill-università 24 siegħa sabiex il-komunikazzjoni tiġi rtirata. Fin-nuqqas ta’ dan, u wara li l-utlimatum skada, il-union qed tagħti direttivi lill-istaff akkademiku sabiex ma jagħtix l-informazzjoni mitluba u jinjora tali komunikazzjoni. Dan filwaqt li l-MUT irrapportat l-aġir tal-Università ta’ Malta lis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika u lid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali.