L-PBS B’Possibilità Ta’ Kollaborazzjoni Mal-Vatikan
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mid-Djalogu Soċjali u x-Xandir Pubbliku Carmelo Abela kellu numru ta’ laqgħat mifruxa fuq jumejn, fl-Istat tal-Belt tal-Vatikan.
F’kumment li għamel il-Ministru Abela qal li “Qed inħares ‘il quddiem biex, permezz tal-esplorazzjoni ta’ kollaborazzjoni mal-PBS, inkomplu nkabbru u nsaħħu r-relazzjonijiet mal-Istat tal-Vatikan.” Id-dinjitarji tal-Istat tal-Vatikan qalu li huma jħarsu ‘l quddiem biex ikomplu jissaħħu rrelazzjonijiet bejn iż-żewġ stati.
Il-PBS qed jesplora possibilitajiet ta’ kollaborazzjoni mal-Istat tal-Vatikan mill-aspett ta’ informazzjoni u edukazzjoni dwar il-Knisja Kattolika u r-rabta ta’ Malta mal-Vatikan. Dan bl-għan li jipprovdi produzzjonijiet għat-TV u r-radju lit-telespettaturi u s-semmiegħa lokali.
Il-laqgħat li l-Ministru Abela kellu, fost oħrajn, kienu mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, li huwa l-ekwivalenti ta’ Prim Ministru; mas-Sostitut fis-Segreterija tal-Istat tas-Santa Sede, Rev., Mons. Edgar Pena Parra, li jiġi l-ekwivalenti tal-Ministru għall-Intern fl-Istat tal-Vatikan; mal-Kardinal Giuseppe Bertello, il-Gvernatur tal-Istat tal-Vatikan; u mal-Prefett tad-Dekasteru tal-Komunikazzjoni tal-Istat tal-Vatikan, Dott. Paolo Ruffini. F’dawn il-laqgħat ġiet diskussa wkoll issitwazzjoni tal-pandemija globali u kif din affettwat liż-żewġ stati u l-immigrazzjoni.
Il-Ministru Carmelo Abela kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede Frank Zammit u mill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Norma Saliba.