“L-PM Għandu Jagħmel Apoloġija F’Isem L-Istat” – Bernard Grech

 “L-PM Għandu Jagħmel Apoloġija F’Isem L-Istat” – Bernard Grech

F’konferenza tal-aħbarijiet li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ftit tal-ħin ilu qal li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jiċħad lill-eks PM Joseph Muscat u jkeċċih mill-Partit Laburista, kif ukoll ineżżgħu mill-onorifiċenzi kollha tal-Istat.

Grech qal li l-PM għandu jagħmel apoloġija lil familja ta’ Caruana Galizia u lil poplu Malti f’isem l-Istat. Huwa kompla jgħid li l-inkjesta indikat nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet, nuqqas ta’ protezzjoni adegwata għall-ġurnalista u kampanja ta’ mibegħda kontriha mmexxija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

“L-impunita’ sserraħ ras il-kriminali li jistgħu jagħmlu li jridu għax moħħhom mistrieħ li hemm min jagħttilhom” saħaq jgħid Bernard Grech.

Grech qal li kull min kien involut għandu jirreżenja. “Minħabba dan in-nuqqas, il-Kabinett u l-Grupp Parlamentari tal-PL għandhom responsabbiltà kollettiva x’jerfgħu. F’dan il-kuntest, Robert Abela għandu jgħidilna min se jerfa’ r-responsabbiltà. Dan mhux żmien għall-kliem, iżda żmien għal azzjoni reali.”

Il-Kap tal-PN temm jgħid li kif diġà offra lill-Prim Ministru huwa lest biex jaħdem flimkien miegħu sabiex jiġu mplimentati r-rakkomandazzjonijiet li għamlu l-Bord tal-inkjesta pubblika. Grech żied jgħid li “ma jkunx għaqli li ssir elezzjoni llum.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com