Melvin Theuma Jgħid Li Sab Lil Darren Debono Fuq Is-Sodda Bid-Demm Ma’ Kuxxtejh
Dalgħodu tkompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ tal-attentat ta’ serqa fuq il-kwartieri tal-HSBC fl-2010, fejn ta x-xhieda tiegħu Melvin Theuma.
Theuma kien ingħata l-proklama biex jikxef kulma jaf fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll kien qal li għandu informazzjoni fuq reati mhux solvuti fosthom is-serqa mill-HSBC.
Fil-Qorti dalgħodu, Theuma qal li fl-2010 xahar qabel is-serqa li qal li ma jiftakarx id-data imma kienet waqt il-kunċert tal-Isle of MTV, Darren Debono magħruf bħala t-Topo avviċinah biex jikri appartament għal xahar. Qal li kien fis-sajf u l-prezz li talbu kien ta’ €300 li tħallsu minn Debono stess.
Intqal kif dakinhar tal-attentat ta’ serqa, Theuma waqt li kien qed jiekol mal-familja tiegħu u rċieva telefonata mingħand Alfred Degiorgio xi 8:30pm.
Theuma qal li l-Fulu talbu biex imur fil-flat tal-Mosta. Qal li kif mar fl-appartament sab lil Debono fuq is-sodda bil-ħwejjeġ ta’ taħt u bid-demm ma’ kuxxtejh.
Ma’ Darren kien hemm Alfred Degiorgio fejn spjega lil Theuma li l-Pulizija kienu sparaw u kien hawn li l-Fulu talab lil Theuma biex jgħin lil Debono u jsib veterinarju taż-żwiemel. Qal li dak il-ħin telaq u xħin ħareġ ra karozza tal-Pulizija għaddejja.
Theuma qal li sema’ dwar l-attentat ta’ serqa l-għada fuq l-aħbarijiet.