“M’Għandniex Inpoġġu Kuntatti Sekondarji Kompletament Imlaqqma Fi Kwarantina” – Il-Kamra Tal-Kummerċ
Il-Kamra tal-Kummerċ fi stqarrija li ħarġet qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jikkunsidraw mill-ġdid il-miżuri ta’ kwarantina eżistenti.
Il-Kamra qalet li peress li aktar minn 81% tal-popolazzjoni adulta f’Malta hija mlaqqma b’mod sħiħ kontra l-COVID-19 u l-evidenza xjentifika turi li persuni mlaqqma bis-sħiħ huma inqas probabbli li jġorru jew jittrażmettu l-virus lil oħrajn, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta temmen li huwa totalment irraġonevoli li dawn in-nies jitpoġġew taħt kwarantina mandatorja ta’ 14-il jum meta jiġu f’kuntatt sekondarju. Min iħaddem qed jispiċċa jġorr il-piż ta’ dan kollu, speċjalment fejn in-nies ma jistgħux jaħdmu mid-dar.
Il-Kamra tal-Kummerċ hija konxja ta’ eżempju fejn familja sħiħa kollha mlaqqma tpoġġew fi kwarantina mandatorja ta’ 14-il jum minħabba li wieħed mit-tfal tagħhom li diġà ħa l-ewwel doża kien qed jattendi fi skola tas-sajf fejn kien hemm każ li xi tfal irriżultaw pożittivi.
“Jekk verament nemmnu li l-vaċċini jkisser l-katina tat-trasmissjoni, jeħtieġ li nkunu prattiċi u m’għandniex inpoġġu kuntatti sekondarji kompletament imlaqqma fi kwarantina,” qalet Marisa Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ.
“Barra minn hekk, qed jinħarġu ittri ta’ kwarantina lill-membri kollha ta’ familja mingħajr ma tiġi speċifikata l-identifikazzjoni tal-persuna. Huwa ċar li m’hemm l-ebda kontroll dwar jekk il-membri ta’ dik id-dar humiex imlaqqma jew le” saħqet il-Kamra tal-Kummerċ.
Il-Kamra tal-Kummerċ hija nkwetata serjament fuq din is-sitwazzjoni, li qed tnaqqas bil-kbir il-kapaċità produttiva tal-operaturi tan-negozju. Min-naħa waħda, min iħaddem qed jintalab jinkoraġġixxi lill-impjegati tagħhom biex jitlaqqmu meta min-naħa l-oħra l-awtoritajiet ma jkunux qed jittrattaw impjegati kompletament imlaqqma b’mod differenti minn dawk li għadhom qed jirrifjutaw li jitlaqqmu.
Skont il-medja rikorrenti ta’ 7 ijiem maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, l-ammissjonijiet ġodda ta’ kuljum fl-isptarijiet għall-COVID-19 għadhom taħt iż-0.8% tal-każijiet attivi totali.