Min-Nhar It-Tnejn M’hemmx Għalfejn Appuntament Biex Tieħu L-Vaċċin Tal-COVID-19
Apparti dak li ġie mħabbar iktar kmieni dalgħodu dwar il-klinika mobbli tat-tilqim li ħa tkun qed iddur f’ diversi lokalitajiet, min-nhar it-Tnejn 19 ta’ Lulju, persuni residenti f’ Malta u Għawdex li għadhom ma ħadux it-tilqima kontra l-COVID-19, jistgħu jitlaqqmu bla appuntament billi jżuru:
Malta: Gateway Hall, l-Università ta’ Malta, mit-Tnejn sas-Sibt, bejn it-08:30-15:00;
Għawdex: Gozo Conference & Expo Centre , mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn 08:30-15:00.
Tfal ta’ taħt is-16-il sena li se jiġu mlaqqma, bla appuntament, għandhom jippreżentaw dokument ta’ identifikazzjoni u għandhom ikunu akkumpanjati minn ġenitur li jista’ jagħti kunsens għat-tilqima.
F’kull każ, min jixtieq jitlaqqam huwa mitlub li jippreżenta l-karta tal-identità. Fin-nuqqas ta’ dan id-dokument, wieħed jista’ juri dokument t’identifikazzjoni ieħor flimkien ma’ prova li huwa residenti Malta. Eżempji ta’ provi li jistgħu jkunu preżentati jinkludu kont tad-dawl u l-ilma, kuntratt ta’ kiri ta’ post f’Malta, jew kuntratt ta’ impjieg f’Malta.