Miżbla Nbidlet Għal Spazju Miftuħ Għall-Familji
Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-proġett ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq li biddel miżbla, li matul is-snin fiha nġemgħu madwar żewġ biljun kilogramma ta’ skart, fi spazju miftuħ għall-familji.
Dan sar b’investiment ta’ €4.5 miljun, ko-finanzjati minn fondi Ewropej, li ssarraf fost oħrajn, f’passaġġi pavimentati minn fejn il-pubbliku jista’ jgawdi l-veduta panoramika tal-madwar u fit-tħawwil ta’ 43,000 siġra u arbuxell.
Fiċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, il-Prim Ministru fisser li dan il-proġett huwa xhieda tal-prinċipju li jemmen fih il-Gvern, il-bżonn li bħala pajjiż nidħlu għal proġetti li jeħduna f’livell ieħor.
“Il-prinċipju tagħna hu li mhux nikkuntentaw bl-ovvju u bil-medja, mhux naqtgħu qalbna mill-isfidi, iżda minflok nibdluhom f’opportunità. Wieħed mill-isbaħ pajsaġġi li għandna f’pajjiżna kien mirdum taħt munzelli ta’ skart, bil-konsegwenzi li din tħalli fuq l-ambjent, is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd. Iżda għax ħlomna u għax konna ambizzjużi tajna lura din il-medda ta’ art lin-nies.”
Il-Prim Ministru sostna li dan hu proġett mibni fuq is-sostenibbiltà u t-twemmin tal-Gvern li l-ambjent irid isir prijorità ikbar.
“Kif saħansitra qed nimmarkaw fl-istrateġija ekonomika għall-għaxar snin li ġejjin u fil-pjan ta’ pajjiżna għal wara l-pandemija, l-ambjent mhux piż, iżda opportunità. Il-bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-ambjent mhux dejjem kien faċli. Iżda, qatt daqs illum ma konna f’pożizzjoni li nwettqu dak li lkoll nixtiequ. Inkluż billi qed indaħħlu kunċetti li ma konniex rajnihom qabel f’pajjiżna fosthom l-ewwel green walls u kunċetti bħal green roofs.”
Dr Abela rrefera għall-proġetti għal arja aktar nadifa u għall-miżuri ambizzjużi li ħa l-Gvern.
“Il-bidla tal-flotta tas-servizz pubbliku f’karozzi elettriċi u l-għajnuniet kbar lin-nies biex jinvestu f’karozzi ta’ dan it-tip, it-tieni interconnector u x-shore to ship huma xhieda ta’ dan. Dawn huma kollha proġetti miljunarji li se jwasslu għal titjib enormi fil-kwalità tal-arja u għalhekk fis-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin u li ma kinux jaraw id-dawl tax-xemx kieku ma saħħaħniex l-ekonomija ta’ pajjiżna.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia spjega kif proġett bħal dan ħa jkun qed joħloq ekosistema ġdida bi tħawwil ta’ għadd ta’ siġar endemiċi li ħa jkunu ukoll qed jikkontribwixxu għal kwalità ta’ arja aħjar. Dan il-proġett ħa jkun ukoll qed ittejjeb il-bijodiversità lokali. Il-Ministru Farrugia qal li jinstab ċert li din iż-żona ħa tkun mfittxija wkoll għal mixjiet b’veduti mill-isbaħ tal-baħar u Filfla.
“Dan huwa proġett ieħor fejn bħala Gvern qed nuru biċ-ċar li huwa kommess għas-sostenibbiltà u għat-titjib tal-ambjent: wara ħafna snin, miżbla abbandunata ġet rijabilitata f’żona b’valur ekoloġiku li se jkun ta’ benefiċċju għall-benesseri tal-komunità tal-madwar.”
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif b’investiment ta’ €3.8 miljun minn fondi Ewropej, Wied Fulija minn sit b’ġerħa ambjentali ġie mibdul fi spazju miftuħ li qed jingħata lura biex jitgawda kemm min-nies tal-madwar, kif ukoll mill-pubbliku inġenerali. Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi saħaq li “Bħala Gvern, il-prijorità hija biex inkomplu ntejjbu l-ambjent ta’ pajjiżna. Dan l-impenn se jissokta billi nofs il-fondi mill-Pjan Għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jkunu investiti fi proġetti ambjentali.”
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca, iċ-Chairperson Frank Bezzina, u s-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima.
Dan il-proġett ġie parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, bħala parti mill-Fond ta’ Koeżjoni – Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020.
Ritratti: DOI