MPE Josianne Cutajar Titkellem Dwar Sfidi Soċjali Fil-Mira Biex L-Ewropa Ssir Newtrali Mill-Karbonju

 MPE Josianne Cutajar Titkellem Dwar Sfidi Soċjali Fil-Mira Biex L-Ewropa Ssir Newtrali Mill-Karbonju

F’kummenti li tat fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat tal-Industrija, Riċerka u Innovazzjoni (ITRE) qabel il-waqfa tas-Sajf, propju waqt preżentazzjoni tal-Kummissarju għall-Enerġija Kadri Simson fuq l-aspetti tas-settur tal-enerġija tal-‘Fit for 55 Package’, il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar saħqet li filwaqt li hija taqbel, u se taħdem favur il-mira Ewropea ta’ newtralità mill-karbonju sal-2050, l-Ewropa ma tistax idawwar wiċċha għall-impatt soċjali li tali tranżizzjoni se tkun qed tħalli.

Il-‘Fit for 55 Package’ jinkludi sensiela ta’ proposti leġislattivi li se jwasslu sabiex jitnaqqsu b’55% l-emissjonijiet, u b’mod sussegwenti jagħmlu lil Ewropa, l-ewwel kontinent climate neutral.

Josianne Cutajar appellat sabiex l-Unjoni Ewropea tkun attenta sabiex ma nżidux l-impatt fuq il-ħaddiema u l-familji li jaqilgħu l-inqas. “Huwa importanti li naħdmu fuq qbil li jagħti l-flessibilita` meħtieġa lill-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jadattaw l-pjanijiet tagħhom lejn dawn il-miri, filwaqt li jħarsu wkoll l-esiġenzi tal-komunitajiet tagħhom” stqarret Dr Cutajar.

“Filwaqt li nilqa’ l-proposta għall-ħolqien ta’ ‘Social Climate Fund’, irridu nagħmlu ħafna aktar sabiex verament nassiguraw li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura, speċjalment gżejjer u pajjiżi fil-periferija, bħal Malta u Għawdex” tenniet Josianne Cutajar.

Hija kompliet tgħid li pajjiżi bħal Malta li huma dipendenti mill-avjazzjoni u t-trasport marittimu, se jħossu ħafna aktar l-impatt ta’ taxxi ambjentali u miżuri oħra li jista’ jkollhom anke impatt fuq l-ispejjeż u t-tariffi relatati mat-trasport. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jkun hemm kumpens u appoġġ adegwat sabiex tkun salvagwardjata l-kompetitività tal-operaturi kollha li jaħdmu fil-qasam, filwaqt li nassiguraw li t-trasport u l-enerġija jkunu affordabbli.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com