Proġett Pilota Se Jgħin Ħwienet Tal-Merċa Biex Jużaw L-Enerġija U L-Ilma B’Iktar Effiċjenza
Permezz ta’ ftehim iffirmat bejn l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) u l-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, ħwienet tal-merċa se jkunu qed jibbenefikaw minn energy audits biex fl-operat tagħhom ikunu jistgħu jżidu l-effiċjenza fl-enerġija u fl-ilma.
Il-proġett MERĊA (Managing Essential Resources in Retail through Consumption Analysis) se jindirizza ħwienet li jaqgħu taħt il-lista NACE G u jkollhom tagħmir li jsaħħan jew ikessaħ, refriġerazzjoni u sistemi ta’ dawl u ilma. Dan il-proġett huwa mistenni li jkun ta’ għajnuna għan-negozji li permezz ta’ informazzjoni miġbura minnhom se jwassal għal rakkomandazzjonijiet li jkunu applikabbli għal gruppi ta’ ħwienet oħra.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat li permezz ta’ dan il-ftehim, l-EWA u l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji se jkunu qed jikkollaboraw biex jassistu ħwienet li joperaw fis-settur tal-ikel u tax-xorb biex l-operat tagħhom ikun aktar sostenibbli.
Dan il-proġett pilota se jkun qed jiswa €50,000 u se jkopri medda ta’ sentejn. Matulhom se tkun qed tinġabar informazzjoni fejn jiġu identifikati proċessi u prattiċi biex ikunu jistgħu jsiru r-rakkomandazzjonijiet neċessarji.
“Dan il-proġett se jkun qed isostni żewġ riżorsi ferm importanti, dawk tal-enerġija u tal-ilma. Diversi negozji jkunu jixtiequ jagħmlu bidliet sostenibbli u permezz ta’ dan il-proġett pilota se nkunu qed nassistu lil dawn l-intrapriżi jagħmlu din il-bidla għal aktar operat b’enerġija nadifa,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano enfasizza dwar l-irwol tal-aġenzija, li tippromwovi u tipprovdi sapport għal prattiċi iktar sostenibbli.
Min-naħa l-oħra, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji Abigail Mamo qalet li l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji hija grata li se tkun qed tagħmel parti mill-ġbir ta’ informazzjoni f’dan il-proġett u rringrazzjat lill-Aġenzija tal-fiduċja.